Simon Busuttil falla test ieħor ta’ kredibilita’ meta minflok ħa passi kontra Michael Fenech Adami, impjegat tiegħu u ħu l-viċi kap tiegħu, attakka il-board ta’ gvernanza li sab ksur ta’ liġi u abbuż ta’ poter tal-ex Sindku ta’ Birkirkara.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet,id-deputat mexxej, Chris Cardona saħaq li dan huwa eżempju ċar li l-kap tal-oppożizzjoni huwa ostaġġ tal-klikkek ta’ Richard Cachia Caruana u tal-familja Fenech Adami li ħatfu lill-Partit Nazzjonalista.
Il-Ministru Cardona għamel referenza għal frażi famuża ta’ Busuttil li ‘taħt il-ħarsa tiegħu ma jittollerax abbużi’- hawnhekk innota li taħt it-tmexxija tiegħu, Simon Busuttil kull ma jaf jagħmel huwa li ma jiħux azzjoni, anzi jiddefendi l-abbuż sfaċċat ta’ poter u l-arroganza. Hawnhekk minbarra l-każ ta’ Michael Fenech Adami rrefera wkoll għall-każ ta’ Chris Said li ftit tal-ġimgħat ilu kien ikkritikat mill-Awtidur Ġenerali li ndaħal fit-tqassim ta’ fondi lill-kunsilli lokali meta kien Segretarju Parlamentari.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll il-President tas-Sezzjoni Kunsilliera tal-Partit Laburista Mario Fava li stqarr li Michael Fenech Adami ma segwa l-ebda regolamenti finanzjarji meta ordna x-xogħol għall-kunsill lokali ta’ Birkirkara. Fakkar kif ironikament il-liġijiet li suppost mexa magħhom Fenech Adami kienu mfassla taħt il-gvern li kien imexxi missieru stess, Eddie Fenech Adami.
Fava stqarr li r-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għal dan il-każ hija tal-mistħija daqs l-għaġir ta’ Michael Fenech Adami innifsu għaliex l-istess board ta’ Gvernanza li qed jattakkaw, użawh meta kien ħareġ rapport kontra sindku Laburist.