Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna, flimkien mal-Ministri tal-Finanzi tal-Unjoni Ewropea, ipparteċipa f’vidjokonferenza tal-ECOFIN li fiha stqarr li li l-pakkett ta’ rkupru tal-Unjoni Ewropea huwa strument meħtieġ sabiex iqajjem l-ekonomija tal-istati membri u jassisti lil dawk l-istati membri li l-aktar intlaqtu mill-pandemija.
Meta ġie diskuss kif għandhom jiġu allokati dawn il-fondi il-Ministru ppropona li għandhom jiġu allokati skont kriterji li jirrifletti l-impatt li ħalliet il-pandemija tal-COVID-19 fuq l-ekonomija u mhux fuq is-sitwazzjoni ekonomika qabel il-pandemija. Approċċ li kien ddeskrevit bħala pass lura. Sostna wkoll li l-kummissjoni għandha toħroġ b’indikaturi addattati li mhuwiex biss ir-rata tal-qgħad għaliex dan mhuwiex indikatur sofistikat biżżejjed.
Fi spirtu ta’ solidarjetà, il-Ministru Scicluna sqarr li l-grants mogħtija f’ammonti raġonevoli huma aċċettabbli iżda l-pakkett ippreżentat juri kif numru ta’ pajjiżi ser jiġu allokati ammont qawwi ta’ grants milli self li ser iwassal għal effetti fuq diversi stati membri fosthom Malta u b’hekk hija diffiċli biex tiġġustifika deċiżjoni bħal din.
Fejn jidħol il-finanzjament tal-baġit Ewropew, dak magħruf bħala “Own Rescources”, il-Ministru ppropona li jkun hemm taxxi fuq plastik mhux riċiklabbli u prodotti simili u stqarr li m’għandniex nintroduċu taxxi kontroversjali li jistgħu jtellfu milli jsir qbil fuq dan il-ftehim.
Huwa temm jgħid li l-proposta sabiex tiġi estiża l-Emission Trading System f’taxxi fuq vjaġġar bl-ajru u bil-baħar se jaffettwaw negattivament dawk l-istati membri li jiddependu fuq it-turiżmu u għal din ir-raġuni taxxi bħal dawn m’għandhomx jiġu kkunsidrati.