Ftit tas-sigħat wara li l-Prim Ministru ħabbar pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika b’miżuri li jwieżnu l-familji u n-negozji, Godfrey Leone Ganado, esponent mill-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil talab fuq il-profil tiegħu fuq facebook sabiex tinħoloq lista ta’ ħwienet li s-sidien tagħhom huma persuni li jissimpatizzaw mal-Partit Laburista.
Ganado li mhux l-ewwel darba li spiċċa f’kontroversja wara kummenti mimlija firda, saħaq li trid tinbena din il-lista biex jew il-benefiċċju tal-mitt ewro voucher ma jintefaqx għandhom jew inkella jintefaq għandhom jekk dan joħolqilhom konfużjoni biex jimplimentaw is-sistema tal-vouchers.
Dawn il-kummenti ta’ firda u diviżjoni ta’ dan l-esponent Nazzjonalista ġabu l-istmerrija ta’ bosta, fosthom ta’ persuna li staqsa għalfejn din il-ħdura u aċċenna għar-rispett bejn persuni bi twemmin politiku differenti.
Ftit aktar kmieni ma kiteb dan il-kumment, l-awditur Nazzjonalista li dejjem ikun minn ta’ quddiem fil-protesti organizzati minn Repubblika implika wkoll li bil-vouchers li se jitqassmu, diversi rġiel se jkunu qed ifittxu s-servizzi ta’ prostituti.
Dan is-suġġett mhux l-ewwel darba li daħħal lil Leone Ganado fi sqaq.
L-artikolista tal-Partit Nazzjonalista ffaċċja libell kontrih minn dak iż-żmien id-Deputata Laburista Rosianne Cutajar wara li għajjaraha “qaħba”.
Sal-lum il-ġurnata permezz tal-avukat tiegħu Andrew Borg Cardona, Godfrey Leone Ganado għadu jipprova jiddefendi dan l-aġir fl-awli tal-Qorti madankollu minkejja li wara l-keyboard tal-kompjuter ikun minn ta’ quddiem li jattakka esponenti Laburisti, fuq il-pedana tax-xhieda ħassu skomdu jirrepeti dak li kien kiteb.
Intant fuq il-profil tiegħu wara li kiteb biex tinġabar il-lista, huwa ftaħar li dejjem ibbojkotja dak kollu li huwa marbut mal-Partit Laburista u huwa se jibqa’ jagħmel dan b’sens ta’ kburija għal ħajtu kollha.
Ganado jintuża ħafna mill-fazzjoni ta’ Busuttil fil-Partit Nazzjonalista biex iwassal il-messaġġi kontra l-Partit Laburista.
Huwa kien kiteb ukoll li jixtieq jara lin-nies jittallbu u jorqdu fit-toroq sabiex jerġa’ jitla’ l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern.