Pajjiżna se jiftaħ settur għall-kiri tal-ajruplani bil-għan li Malta tistabbilixxi ruħha bħala ġurisdizzjoni serja fejn kumpaniji f’dan il-qasam ikunu jistgħu jibbażaw ruħhom.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata fost oħrajn mill-Prim Ministru Robert Abela twaqqfet Aircraft Leasing Malta fi ħdan Transport Malta sabiex pajjiżna jitfa’ siequ f’suq ieħor fil-qasam tal-avjazzjoni.
Il-Prim Ministru qal li wara l-pandemija, pajjiżna jrid jaħrab jiġri fuq quddiem b’inizjattivi kruċjali bħal din tal-kiri tal-ajruplani.
Semma li fis-snin li għaddew pajjiżna attira għexjieren ta’ kumpaniji fil-qasam tal-avjazzjoni. Dawn ġabu l-investiment u ħaddmu l-Maltin u l-Għawdxin għax kellhom fiduċja f’pajjiżna.
Fil-fatt f’Malta hawn kważi ħames mitt ajruplan irreġistrati u kwart minnhom ġew irreġistrati bejn Jannar u Mejju li għadda.
F’kuntest li fid-dinja hawn mal-mija u ħamsin kumpanija u linji tal-ajru li jikru l-ajruplani f’industrija li kapaċi tiġġenera mitejn u ħamsin biljun ewro, Dr. Abela qal li kien jonqos biss li nidħlu fis-suq tal-kiri tal-ajruplani.
Il-Prim Ministru stqarr, “Il-miri huma ambizzjużi imma realistiċi anka fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha bħalissa u l-inizjattiva tal-lum pajjiżna qed ikompli jaħdem b’mod dirett biex jattira iżjed kumpaniji tal-avjazzjoni. Qiegħed jiffoka b’mod partikolari biex juża niċċa ekonomika ġdida li ninsabu fiduċjużi li se tħalli l-frott mixtieq.”
Fl-istess konferenza tkellem il-Kaptan Charles Pace li jmexxi d-direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta.
Huwa spjega li b’Aircraft Leasing Malta pajjiżna qiegħed jagħlaq iċ-ċirku u joħloq ekosistema kompluta fis-settur tal-avjazzjoni.
Il-Kaptan Pace saħaq, “Kien wasal iż-żmien li nersqu hemmhekk u kien hemm domanda. Din mhix xi ħaġa li waqgħet mis-sema, kien hemm ħafna kumpaniji li tkellmu magħna u qalulna għax ma tersqux ‘l hawn. Il-Ministru semma li kien hemm min qed ifittex ġurisdizzjoni oħra biex ma jkollux kollox f’pajjiż wieħed.”
Qal li pajjiżna huwa utli ferm għal dan is-settur anka fid-dawl tal-fatt li l-prodott Malti huwa wieħed dinamiku.
“L-industrija taħdem bil-lingwa Ingliża, għandna s-sistema leġislattiva Ingliża li, double taxations, it-tassazzjoni tagħna hija tajba u kompettitiva ħafna u tixxiebaħ ħafna mal-pajjiżi bħall-Irlanda, Singapore u Hong Kong li huma l-kompetituri tagħna f’din l-area.” Kompla jgħid il-kaptan Pace.
Waqt it-twaqqif ta’ Aircraft Leasing Malta tkellem ukoll il-Ministru għat-Trasport Ian Borg li semma kif pajjiżna beda jħares lejn dan is-settur madwar sentejn ilu u stħarreġ il-possibilitajiet għall-qafas leġislattiv anke mas-settur privat.
“Issa wasalna fil-punt li ninfurmaw lill-bqija tad-dinja li Malta qiegħda fis-suq, Malta tixtieq li tilqa’ fostha investituri u sidien ta’ ajruplani li imbgħad jikru lil kumpaniji u terzi.” Temm jgħid il-Ministru Borg.
Ritratt: Gareth Degiorgio