Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, pajjiżna kellu t-tieni l-ogħla tkabbir fis-settur tal-impjiegi.
Dan tikkonfermah statistika maħruġa mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-EUROSTAT.
Fil-fatt fl-eqqel tal-pandemija fl-Ewropa, bejn Jannar u Marzu li għadda, Malta kellha rata ta’ 1.3% ta’ tkabbir fis-settur tax-xogħol.
Kienet il-Litwanja biss li qabżet lill-pajjiżna, b’rata ta’ 1.6% u l-Kroazja ġiet eżatt wara Malta b’1%.
Saħansitra l-medja Ewropea kienet ta’ -0.1% u fiż-żona Ewro -0.2%.
Dan ifisser li pajjiżna kellu rata ta’ tkabbir fis-settur tal-impjiegi li hi 1.4% aktar mill-medja Ewropea u 1.5% aktar miż-żona Ewro.
L-akbar tnaqqis fit-tkabbir fis-suq tax-xogħol ġie rreġistrat fi Spanja b’-1%.
Il-Bulgarija r-rata naqqset b’-0.9% filwaqt li l-Iżvezja, l-Islovakkja u l-Portugall irreġistraw rata ta’ -0.5%.
B’reazzjoni għal din l-istatistika tal-EUROSTAT, il-Gvern saħaq li din tindika li meta mqabbel mal-istess perijodu sena qabel il-prodott domestiku gross ta’ pajjiżna kiber b’0.7%.
Dan meta fiż-żona ewro kien hemm tnaqqis ta’ 3.1%.
Dan jindika li minkejja l-pandemija, l-ekonomija ta’ pajjiżna marret aħjar minn dik taż-żona ewro b’3.8 punti perċentwali.
Dan meta sa kwart qabel id-distakk kien ta’ 3.6 punti perċentwali.
Il-Gvern qal li l-EUROSTAT qed jikkonferma t-tbassir li għamlu diversi aġenziji internazzjonali li pajjiżna ser ikollu daqqa ekonomika mill-COVID-19 anqas mill-medja Ewropea.
Mill-istatistika jispikka li dawk il-pajjiżi li għamlu lockdown totali spiċċaw b’telf ekonomiku kbir.
Dan jindika kemm kienet għaqlija d-deċiżjoni tal-Gvern li jmur għal metodi anqas drastiċi imma xorta ferm effettivi biex waqqaf l-imxija tal-Coronavirus.
Il-Gvern irrimarka li l-informazzjoni li tat l-aġenzija tal-istatistika uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ġġib fix-xejn id-diskors li pajjiżna ma laqax tajjeb għall-effetti ekonomiċi tal-pandemija.
Saħaq li kieku ma kienx hekk żgur ma kienx ikun osservat tkabbir ekonomiku f’pajjiżna filwaqt li fi ġġanti ekonomiċi bħall-Ġermanja, Franza u l-Italja ġa hemm riċessjoni.
Qal li l-istess fejn jidħlu l-impjiegi, li kieku l-miżuri li ħa l-Gvern ma kinux effettivi, pajjiżna ma kienx ikun bl-akbar żieda fl-impjiegi.
Il-Gvern temm jgħid li bil-pakkett ta’ riġenerazzjoni ekonomika mħabbar, l-impatt pożittiv tal-ewwel pakketti ta’ għajnuna sejrin issa jservu bħala l-bażi ta’ fażi ġdida ta’ titjib soċjali, ambjentali u finanzjarju għall-familji u m-negozji tagħna.