Fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li ħabbar il-Gvern, ingħad li kull persuna li għandha iktar minn 16-il sena, se tieħu voucher ta’ €100 biex jintefaq għand postijiet t’akkomodazzjoni turistika bħal-lukandi. Dan il-voucher se jkun jintefaq ukoll f’ristoranti u negozi li kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom matul il-pandemija tal-Coronavirus.
Biex tingħata spinta lid-domanda domestika u n-negozji jiġu mgħejjuna jirkupraw parti mit-telf tal-bejgħ li kellhom fix-xhur li għaddew, kull min għandu iktar minn 16-il sena se jingħata voucher li se jkun maqsum f’ħames vouchers ta’ €20.
L-ewwel €80 se jkunu jistgħu jintefqu f’akkomodazzjoni turistika jew ristoranti u bars liċenzjati mill-Awtorità tat-Turiżmu. L-€20 l-oħra jistgħu jintefqu f’negozji li għalqu tul il-pandemija, bħal ħwienet tal-ħwejjeġ jew tas-sbuħija, fosthom tad-dwiefer u tax-xagħar.
Din il-miżura se tfisser spinta lid-domanda interna ta’ €34 miljun f’perjodu ta’ inqas minn tliet xhur.