Il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika għandu fih l-ikbar investiment infrastrutturali industrijali fl-istorja ta’ pajjiżna. Fuq medda ta’ tmien snin, il-Gvern se jkun qed jalloka €400 miljun biex jiżdied spazju industrijali ġdid mingħajr ma tintmiss art verġni.
Eks landfill fil-Marsa se ssir park industrijali għan-negozji żgħar
Dik li kienet landfill fil-Marsa se tkun qed tara investiment ta’ €51 miljun biex titnaddaf kollha u ssir park industrijali ġdid għan-negozji żgħar.
Rinovar fiċ-ċentru ta’ inkubazzjoni għan-negozji f’Kordin
Iċ-ċentru ta’ inkubazzjoni għan-negozji f’Kordin se jara wkoll imbuttatura fl-innovazzjoni u l-ekonomija diġitali.
Bi spiża ta’ €14-il miljun se jkun hemm żvilupp ta’ faċilità ġdida f’Kordin.
Il-Gvern se jagħmel ukoll ċentru ġdid li permezz tiegħu se jtejjeb l-industrija. B’investiment kapitali ta’ €110 miljun se jintlaqtu industriji ġodda, fejn il-proġett se jitmexxa mill-Malta Industrial Parks.
Il-Life Sciences Park se jiġi estiż
Il-Life Sciences Park, li tant kien suċċess, ġie mfisser mill-Gvern bħala ass importanti wara l-pandemija u għalhekk il-proġett se jiġi estiż bi spiża ta’ madwar €98 miljun.
Il-Gvern ħaseb li apparti l-attività ekonomika kbira li ħa joħloq dan l-akbar investiment industrijali, se jkun qed jipprepara l-infrastruttura industrijali għal dik l-għada meta l-industriji jkunu qed joperaw fi sfond ta’ innovazzjonijiet ġodda.
Il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika se jagħti wkoll sostenn dirett lill-industrija ta’ pajjiżna biex ikompli jinċentiva x-xogħol.
Sostenn għall-promozzjoni tal-esportazzjoni
Il-Gvern se jkun qed jagħti rifużjoni ta’ 33% fil-ħlasijiet tal-port għal dawk il-vapuri li jġibu merkanzija lejn pajjiżna.
Se tingħata wkoll rifużjoni ta’ 10% fuq ħlasijiet marbuta mal-ħatt tal-kontejners għall-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet.
Għajnuna għall-immodernizzar tal-makkinarju
Il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika jaħseb ukoll għall-investiment fin-negozji biex jimmodernizzaw.
Il-Gvern se jagħti €4 miljun f’għajnuna għall-immodernizzar ta’ makkinarju fil-kostruzzjoni.
Kull negozju se jingħata appoġġ massimu ta’ €200,000 biex jinvesti f’makkinarju aktar modern u li jniġġes anqas.
Kampanji promozzjonali lin-negozji
Dawk in-negozji li kienu se jieħdu sehem f’fieri internazzjonali u li tħassru minħabba l-pandemija se jibbenefikaw minn tmenin fil-mija f’rifużjoni tal-ispejjeż filwaqt li Trade Malta se jkollha budget ta’ €200,000 biex tirrifondi sa €10,000 għal kull negozju lokali li jinvesti fi swieq barranin.
In-negozji Malti u Għawdxin se jgawdu wkoll minn €5 miljun f’kampanji promozzjonali.