Bil-pjan imħabbar it-Tnejn filgħaxija, hemm sensiela ta’ miżuri li se jagħtu stimulu qawwi lill-intrapriżi.
Ġie mħabbar li l-Gvern se jagħti €50 miljun għal spejjeż t’operat fil-kirjiet u l-intrapriżi li ngħataw għajnuna fil-ħlas tal-pagi minħabba l-Covid-19. Mal-20,000 intrapriża se jkunu jistgħu japplikaw għal għotja ta’ €2,500.
Miżura oħra li tħabbret illejla li se tgħin lin-negozji biex jimxu pass ‘il quddiem huma l-għotjiet ta’ €2,000 għal kull negozju f’għotja ta’ kreditu ta ’taxxa lil dawk li jaħdmu għal rashom.
L-għotja titla’ għall-€2,500 jekk in-negozju jkun f’Għawdex, tal-familja jew immexxi minn mara.Din il-miżura se tkun qed tiswa €5 miljun.
Apparti minn hekk il-Gvern se jagħti €2.5 miljun f’sostenn għal riġenerazzjoni tan-negozji f’Malta.
Permezz tal-Malta Enterprise, il-Gvern se jalloka massimu ta’ €5,000 għal kull negozju li jqabbad kumpanija tagħmel ristrutturar ta’ negozju li kien kostrett ibiddel l-operat tiegħu minħabba l-isfida tal-Coronavirus.
Il-Gvern ħabbar ukoll żieda ta’ €5 miljun f’għajnuniet ikbar favur it-taħriġ għal dawk li jimpjegaw inqas minn 50 ħaddiem.