Illum il-Prim Ministru Robert Abela se jippreżenta pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika.
Dan il-pjan, li kif ħabbar il-Prim Ministru huwa wieħed multi-miljunarju ġie mfisser bħala l-akbar pakkett ta’ stimolu ekonomiku.
Dan il-pjan, li se jkun qed iħabbar il-Gvern, mistenni jinċentiva l-bżulija u jkompli jgħin lin-negozji jdawru r-rota wara l-imxija tal-Coronavirus.
Il-Gvern ma stenniex li jasal il-baġit ta’ Ottubru biex iwieżen lin-negozji u l-familji.
Il-Ħadd, il-Prim Ministru Robert Abela qal li fl-aħħar ġimgħat il-Gvern iffoka fuq is-sostenibbiltà ekonomika tal-pajjiż.
Appella biex il-poplu jirritorna għan-normalità, u biex jiddaħħal sens ta’ fiduċja u ottimiżmu għax kulħadd se jirċievi xi ħaġa minn dan il-pjan sabiex titqajjem l-ekonomija.
Intant ONE se jkun qed ixandar edizzjoni speċjali tal-programm Pjazza kemm qabel u wara li jiġi preżentat il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika.
ONE News ukoll se jkun jagħti servizzi dettaljati ta’ dak li se jkun imħabbar mill-Gvern u kif il-miżuri se jolqtu lin-nies.
Fuq one.com.mt se jkun hemm l-aħħar żviluppi mat-tħabbir tal-miżuri ta’ dan il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li se jistimola l-ekonomija ta’ Malta wara ċirkostanzi straordinarji li għexna.
https://www.one.com.mt/2020/06/08/ghada-ahjar-l-ghajta-tal-pjan-ta-rigenerazzjoni-ekonomika/