Illum saret laqgħa ġenerali u straordinarja fejn il-membri kollha tal-AAE approvaw ftehim propost mill-Gvern ta’ Malta mressaq mill-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis.
Dan tħabbar fi stqarrija konġunta bejn il-Gvern u l-Association of Airline Engineers (AAE)
Il-ftehim iħares l-interessi tal-Gvern bħala l-azzjonist ewlieni tal-linja nazzjonali tal-ajru AirMalta, l-interessi tal-inġiniera kollha bħala ħaddiema tal-linja tal-ajru u l-futur tal-istess kumpanija.
Il-Ministru għat-Turiżmu Zammit Lewis saħaq li l-Gvern mexa bl-istess kejl u livelli mal-unions kollha fejn il-ħaddiema ser ikunu ‘partners’ ewlenin fil-ġejjieni tal-AirMalta.
Il-Gvern irringrazzja lill-AAE għall-kooperazzjoni sħiħa tagħha, li qal li jawgura tajjeb sabiex tiġi aċċertat il-vijabilità kummerċjali tal-Air Malta u speċjalment jirringrazzja lil ħaddiema kollha tal-kumpanija li fehmu x-xogħol siewi li qed jagħmel il-Gvern għal linja nazzjonali ta’ pajjiżna. Il-Ministru Zammit Lewis irringrazzja wkoll lil President Emeritu Dr George Abela u liċ-Chairperson Maria Micallef tal-koperazzjoni kontinwa tagħhom.
Il-AAE minn naħa tagħha ingħaqdet f’dan l-awguri u rringrazzjat lil kull min ikkontribwixxa f’dan il-ftehim.