Aktar minn €70 miljun ta’ Fondi Ewropej, ġew investiti f’elf kumpanija f’Malta u f’Għawdex.
Waħda minnhom hija l-kumpanija Gozo Distillery.
B’investiment ta’ nofs miljun ewro, il-proġett ta’ din il-kumpanija se jissarraf f’diversi prodotti tipiċi Għawdxin, kif ukoll prodotti magħmula mill-alkoħol.
Id-Direttur tal-kumpanija Joseph Grech spjega li l-investiment wassal għax-xiri ta’ tagħmir li jibda mill-fermentazzjoni u jwassal sal-ippakkeġġjar tal-prodotti alkoħoliċi.
Dr Grech stqarr: “Huwa investiment li sar b’kofinanzjament ta’ ħamsin fil-mija mill-Unjoni Ewropea, u żgur li din l-istart-up ma kinitx tkun possibbli li kieku ma kienx ikun hemm din l-għajnuna importanti mingħand l-Unjoni Ewropea sabiex nilħqu dak li kien l-għan tagħna għal żmien twil, id-distillazzjoni tal-alkoħol.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, sostna li din il-kumpanija hija prova ta’ suċċess permezz ta’ fondi Ewropej.
Qal li l-maġġoranza tal-kumpaniji li bbenefikaw mill-fondi Ewropej huma ta’ daqs żgħir jew medju, li jkollhom bżonn il-kapital biex jinvestu u jkabbru l-operat tagħhom.
L-Onor. Zrinzo Azzopardi sostna: “Dan huwa pass importanti li naraw li anki dawn it-tip ta’ investimenti narawhom f’Għawdex kif ukoll f’Malta b’għajnuniet biex inkomplu nkattru l-ġid f’pajjiżna.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li investiment bħal dan jawgura tajjeb mhux biss għan-negozji imma anki għall-ħaddiema, għaliex jiġu ġġenerati aktar impjiegi u jinħoloq aktar xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.
“Xi ħaġa interessanti u xi ħaġa sabiħa ħafna li anki jkollna kumpaniji ġodda li jibdew jinvestu bi prodotti ġodda wkoll minn ġewwa Għawdex u anki jibbenefikaw direttament minn fondi Ewropej,” qal il-Ministru Camilleri.