Komplejna fejn ħallejna qabel kellna nagħlqu. Hekk iddeskriviet l-ewwel jum lura fiċ-ċentru għall-ħarsien tat-tfal Sarah Jane Gauci, manager ta’ ċentru ewlieni fil-Mosta, li l-Ġimgħa fetaħ biebu mill-ġdid wara struzzjonijiet mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.
Gauci qalet li anke wara xahrejn id-dar mal-ġenituri, il-biċċa l-kbira tat-tfal kienu ħerqana li se jerġgħu jaraw lit-tieni familja tagħhom, u aktar minn hekk, biex jerġgħu jagħmlu l-attivitajiet li ċ-ċentru prepara għalihom.
“Sakemm daħlu u ndunaw li vera se jidħlu l-iskola kellna ftit li bkew xi ftit, imma mal-ewwel qagħdu, sakemm draw ftit ir-rutina u bdew l-attivitajiet.”
Mill-Ġimgħa ċ-ċentri kollha tal-ħarsien tat-tfal bdew joperaw bi protokolli ċari, fosthom li ma jħallux persuni mhux awtorizzati jidħlu fiċ-ċentru, u ma jħallux gruppi ta’ tfal jitħaltu.
Hawnhekk Sarah spjegat li dan kollu iserraħ moħħ il-ġenituri li se jħallu lil uliedhom f’xi wħud minn dawn iċ-ċentri waqt li huma jmorru għax-xogħol.
“Ovvjament kienu xi ftit ansjużi għax bdew jaħsbu hux se joqgħodu jew jidraw u jiftakru l-proċedura u r-rutina ta’ qabel. Imma t-tfal ħadu pjaċir, u dak hu s-sodisfazzjon tagħna, li meta ġew lura komplew minn fejn ħallew qabel kellna nagħlqu. “
Spjegat ukoll li kif qed jiġri f’kull stabbiliment, il-post jiġi diżinfettat kuljum, u qed jiġu segwiti regoli ġodda marbuta mal-ammont ta’ tfal li ċ-ċentru għandu jilqa’ skont id-daqs tiegħu.
“Qabel kien 5 metru kwadru għal kull tifel, u issa telgħet għal sitta, jiġifieri għaż-żona li għandek trid tieħu inqas tfal f’ħin wieħed. Però bħala ratio, u bħala kemm carer waħda jista’ jkollha tfal, baqgħu l-istess.”
Apparti li jridu jilbsu lbies protettiv, il-ħaddiema ukoll għandhom rutini ġodda x’jidraw.
“Child carer mal-grupp tagħha trid tibqa’ l-istess waħda l-jum kollu u anke għal tul ta’ żmien u ma jistgħux jużaw l-istess żona ma’ grupp ieħor fl-istess ħin.”
Sarah Jane Gauci temmet tgħid li l-ewwel jum ta’ ħidma kien anqas bieżel mis-soltu, iżda mill-ġimgħa d-dieħla, hekk kif aktar ġenituri mistennija jirritornaw għax-xogħol, iċ-ċentri tal-ħarsien tat-tfal madwar il-pajjiż jerġgħu jkunu attivi bħas-soltu.