Waqt l-eqqel tal-pandemija aktar minn erba’ mitt priġunier ġew ittestjati għall-Coronavirus u kollha rriżultaw fin- negattiv.
B’hekk il-ħabs f’Malta baqa’ l-uniku wieħed fl-Ewropa li baqa’ ħieles mill-Coronavirus, hekk kif sa issa għadu ma ġie rrappurtat l-ebda każ ta’ Coronavirus.
Dan grazzi għal pjan ta’ kontinġenza li ħadet it-tmexxija tal-ħabs, bid-direttur tal-ħabs, il-kurunell Alexander Dalli, qal li xorta waħda se jibqgħu jittieħdu l-prekawzjonijiet neċċessarji, issa li l-imxija bdiet tgħaddi.
“Ħadna mal-400 swab qbadna sample tal-prigunieri u la l-priġunieri u lanqas il-gwardjani sa issa ma hemm kaz ta’ coronavirus.”
Hekk kif ġew rilaxxati l-maġġoranza ta’ restrizzjonijiet, il-Ġimgħa filgħodu reġgħu bdew ż-żjarat lill-priġunieri. Iż-żjarat bdew isiru wara ħġieġa sabiex ma jkunx hemm kuntatt dirett bejn il-priġunieri u l-viżitaturi.
Il-Kurunell Dalli spjega kif waqt il-pandemija, l-priġunieri bdew jitkellmu ma’ qrabathom b’mezzi virtwali, miżura li se tibqa’.
“Dalgħodu kien hemm xi priġunieri li bdew jiltaqgħu ma’ qrabthom wara ħġieġa u għalissa ħa nibqghu sejrin hekk.”
Wara tliet xhur iqumu u jorqdu l-ħabs, l-uffiċjali korettivi se jkunu qed jirritornaw għar-rutina normali tax-xogħol, hekk kif qabel kienu qed jirrapportaw għal ġimgħa sħiħa ta’ xogħol.
“Ilbieraħ kien l-aħħar lejl li rqadna l-ħabs. Jien ilni 9 ġimgħat il-ħabs. Il-gwardjani raqdu l-ħabs u issa se nibdew bir-rutina normali.”
Id-direttur tal-ħabs fisser kif bis-sagrifiċċji ta’ kulħadd inżamm moral għoli fil-faċilità korrettiva ta’ kordin.
“Il-moral huwa għoli ħafna. Issa kulħadd ħerqan imur id-dar u nħallu din warajna la għaddejjniha.”