F’dawn l-aħħar snin, il-Motorsport diġitali ħalla impatt kbir fuq kulħadd speċjalment waqt pandemija tal- Covid-19. Bħalma ġie mwiegħed sena ilu, il-Malta Motorsport Federation kienet qed tiddiskuti mal-FIA biex torganizza kompetizzjoni fuq Gran Turismo biex tfakkar dan il-kapitlu ġdid fid-dinja tal-Motorsport
virtwali.
L-MMF qed tikkollabora ma’ World Pro Racing biex tidħol fid-dinja tal-Motorsport virtwali wkoll fejn kull età tipparteċipa f’dan il-qasam speċjalment tfal u żgħażagħ. Dan l-isport ma jinkludix spejjeż kbar ikkumparati mal-Motorsport reali għalhekk jilħaq lil kulħadd biex jagħtih din l-esperjenza. L-iskop ta’ din il-kollaborazzjoni huwa li nkabbru l-esports lokali, isir taħriġ u jifhmu x’jinkludi dan l-isport.
Bħala introduzzjoni ser jigu organizzati erba’ tlielaq, li ser jibdew il-ġimgħa d-dieħla. Din se twassal għall-ewwel kampjonat nazzjonali. Il-kampjonat ser jibda minn Jannar tal-2021 sa Settembru tal-2021, fejn ir-rebbieħ ser ikun qed jirrappreżenta lil Malta fl-FIA Motorsport Games.
Il-president tal-MMF Tonio Cini qal li dan il-kampjonat kien ilu f’moħħna iktar minn sentejn, però l-Motorsport reali dejjem kellu jieħu prijorità speċjalment f’dawn l-aħħar xhur minħabba l-Covid-19. Però ridna naħdmu ftit iktar biex inħejju din il-ħolma li ssir realtà. Adrian Figallo, id-direttur tal-Marketing tenna li m’hemmx mod kif tista’ tevita l-Motorsport virtwali u WPR ilha għaddejja taħdem f’dan is-settur iktar minn 3 snin b’esperjenza internazzjonali b’kollaborazzjonijiet ma’ Tatuus, WSK, ACI, Griiip fost oħrajn. Issa huwa l-waqt li nkomplu naħdmu u
nagħtu l-esperjenza tagħna fil-lokal.
Dawn l-erba’ tlielaq ser jiġu organizzati fuq Gran Turismo Sport fuq il-PlayStation 4, bl-istess sistema ta’ kif jaħdem il -kampjonati uffiċjali tal-FIA. Mhux hekk biss, imma t-tlielaq se jiġu mħarsa minn uffiċjali reali liċenzjati mill-MMF stess. Il-propja kampjonat imbagħad ser issir fuq pjattaformi diversi biex hemmhekk jintgħażel il-finalist li jkun fuq il-PlayStation 4 biss.
Dawn l-erba’ tlielaq li ser isiru l-ġimgħa d-dieħla ġo trakek li huma popolari fost l-entużjasti tal-Motorsport ser jinkludu 15-il minuta ta’ prattika u kwalifikazzjoni u tellieqa ta’ 30 minuta. Dawn it-
tlielaq se jkunu live fuq il-midja soċjali kif ukoll fuq il-paġna ta’ TVM Sport. Ser jingħataw ukoll rigali sbieħ mingħand Gamebreaker Malta.
Kull min hu interessat biex jipparteċipa f’dawn it-tlielaq, jidħol fis-sit, www.worldproracing.com jagħżel id-data preferuta tiegħu u japplika għaliha. Id-dati ta’ dawn it- tlielaq huma l-10, is-17 u l-24 ta’ Ġunju kif ukoll l-1 ta’ Lulju.