Din il-ġimgħa l-Kummissjoni għas-servizz pubbliku għamlet intervisti individwali lill-erbatax-il persuna li tefgħu l-applikazzjoni tagħhom għall-kariga ta’ Kummissarju tal-pulizija.
Tmien persuni għamlu n-nomina tagħhom pubblika.
La jitlesta dan il-proċess, li fiha l-applikanti ntalbu jgħidu l-viżjoni tagħhom għall-korp, il-kummissjoni għas-servizz pubbliku se tagħżel żewġ persuni mill-erbatax-il applikant, li jidhirlha li huma xierqa li jmexxu l-Korp tal-Pulizija.
L-ismijiet taż-żewġ persuni se jgħaddu lill-kabinett.
Il-gvern se jirreferi lill-persuni magħżula quddiem il-Kumitat parlamentari dwar il-ħatriet pubbliċi. F’dan il-kumitat l-membri parlamentari se jkunu jistgħu jagħmlu skrutinju u jsaqsu l-mistoqsijiet li jridu lil din il-persuna waqt laqgħa li se tiġi anki mxandra fuq it-televiżjoni.
L-Oppożizzjoni għadha ma qalitx jekk il-membri tagħha humiex se jipparteċipaw f’dan il-kumitat u jagħmlu l-grilling lill-persuna li se tokkupa l-ogħla kariga fil-korp.
Il-ħatra għall-kummissarju tal-pulizija l-ġdid għall-ewwel darba qed isir b’mod indipendenti mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, li b’mod awtonomu mill-Gvernqiegħda tmexxi dan il-proċess.
Fl-aħħar ġimgħat, sar test li analizza s-saħħa mentali tal-applikanti.
L-applikanti issejjħu ukoll għal intervista fi grupp quddiem il-ħames membri tal-Kummissjoni.
Għall-ewwel darba fl-istorja, il-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija ser timtela’ wara sejħa pubblika u bi proċess ta’ skrutinju mill-Kumitat Parlamentari għall-Ħatriet Pubbliċi.
Proċess mhux biss konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja iżda jmur pass ‘il quddiem hekk kif il-Prim Ministru reħa minn idu l-veto dwar l-għażla tal-ogħla kariga fil-korp.