Fil-jum internazzjonali għall-Ambjent tħabbar li tliet żoni ġodda ser ikunu qed jingħataw iktar protezzjoni billi jiffurmaw parti min-network tal-Unjoni Ewropea Natura elfejn.
Is-siti ġodda li ser ikunu qed jiżdiedu mal-lista huma Tal-Wej, limiti tal-Mosta, Ħas-Saptan, limiti ta’ Birżebbuġa, u Wied il-Mielaħ li jinsab fil-limiti tal-Għarb, Għawdex.
Dawn is-siti issa ngħataw ukoll it-titlu ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni ta’ importanza internazzjonali, u ser jiżdiedu mal-34 sit ieħor ta’ Natura 2000 fuq l-art fil-gżejjer Maltin, li fil-preżent jammontaw għal 13% tal-art tal-gżejjer Maltin.
Wied il-Mielaħ ġie ddikjarat ukoll bħala Żona ta’ Ħarsien Speċjali, filwaqt li l-Għadira s-Safra, sit li diġà jagħmel parti min-network Natura 2000, ġie estiż sabiex jinkorpora fih aktar elementi ta’ importanza ekoloġika.
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA ħarġet ukoll ordni ta’ Konservazzjoni u Protezzjoni fuq l-elementi ġeoloġiċi fiż-żona Ta’ Lanzun f’Tal-Mensija, limiti ta’ San Ġwann. Din iż-żona hija rikonoxxuta illum bħala żona speċjali ta’ importanza ġeoloġika u tindirizza strutturi, magħrufin bħala doline, simili għal dik li tinsab fiż-żona magħrufa bħala l-Maqluba.
Il-Perit, Michelle Piccinino, spjegat ir-raġunijiet għalfejn l-awtorità ħadet id-deċiżjoni li s-siti msemmija jsiru parti min-Natura 2000.
“Dawn is-siti intgħażlu kif diġa spjegat minħabba l-ispeċi u l-abitanti li fihom. Aħna nafu illum il-ġurnata, li biex ikollna kwalità ta’ ħajja tajba irridu li jkollna ambjent san. Ambjent li huwa san iżommu l-ispeċi u l-bijodiversità li nsibu.”
Iż-żoni ta’ Tal-Wej u Ħas-Saptan ġew magħżula minħabba l-preżenza ta’ għadajjar tal-ilma ħelu fil-blat, ambjent naturali li huwa rari fil-gżejjer Maltin.
Dawn l-għadajjar iservu ta’ ambjent naturali għal speċi rari, bħall‑gamblu tal‑elmu.
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal li kull ċittadin jixraqlu iktar spazji għar-rikreazzjoni u l-ġenerazzjonijiet futuri jeħtieġ inħallulhom siti naturali priservati.
“Il-biodiversità, in-natura huma essenjali, mhux biss xi ħaġa, sabiħ li ikollna. Dan għax minnu jiddependi l-ikel li nieklu, in-nifs li nieħdu, l-ekonomija ta’pajjiżna kif ukoll is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.”