Mil-lum Transport Malta nediet pjattaforma onlajn sabiex il-pubbliku jkun jista’ japplika għall-permess tal-istudenti tas-sewqan u biex jibbukjaw għat-test tas-sewqan.
Permezz ta’ din il-pjattaforma wkoll issa l-istudenti issa jistgħu japplikaw onlajn ukoll biex joqogħdu għall-eżami tat-teorija.
Fi stqarrija Transport Malta qalet li dawk interessati jistgħu jużaw is-sit https://licenzji-xufiera.gov.mt/, minflok li jimlew formoli fiżiċi jew li jmorru personalment fl-uffiċċini tal-Awtorità.
L-istqarrija żiedet tgħid li Skejjel tas-sewqan u tobba mediċi se jkollhom ukoll il-faċilità li jaċċessaw dan il-portal sabiex japplikaw, jiċċertifikaw jew jissottomettu kwalunkwe dokumentazzjoni neċessarja f’isem l-applikant.
Intant iktar kmieni din il-ġimgħa, Transport Malta ħabbret li, wara xi ġimgħat weqfin minħabba l-imxija tal-COVID19, it-testijiet tat-teorija u tal-prattika għal-liċenzja tas-sewqan setgħu ikomplu, b’numru ta’ prekawzjonijiet ġodda.
Fil-fatt l-istudenti issa jistgħu ipoġġu għall-eżami ta-teorija biss wara li jibbukkjaw. Għaldaqstant dan huwa pass li qed jgħin lill-istudenti li jistgħu jibbukkjaw faċilment onlajn.
L-eżamijiet tat-teorija issa ser jibdew isiru minn bini ġdid fi Triq Nazzjonali l-Ħamrun. Il-bini huwa iktar spazzjuż u jipprovdi l-faċilitajiet kollha biex l-istudenti jkunu jistgħu joqogħdu għall-eżami b’moħħhom mistrieħ.
Il-bini jimxi mal-linji gwida mogħtija mill-Awtoritajiet tas-saħħa biex inaqqsu r-riskju tal-imxija. L-istudenti li jixtiequ jibbukjaw l-eżami tat-teorija jistgħu iċemplu fuq 21227190 jew iżuru direttament is-sit https://maltatheorytest.com/