Transport Malta tat vann elettriku bħala donazzjoni lill-Uffiċċju tal-President u l-Fondazzjoni tal-Malta Community Chest Fund. Dan il-vann ma jniġġisx l-ambjent u huwa aċċesibbli għas-siġġijiet tar-roti. Il-vann elettriku jista jintuza ukoll minn għaqdiet mhux governattivi oħrajn li jaħdmu mal-fondazzjoni jkunu jeħtieġu is-servizz tiegħu.
Il-President ta’ Malta George Vella stqarr l-aprezzament tiegħu u tkellem dwar kif din id-donazzjoni għanda sinjifikat hekk kif kulħadd jista juża is-servizzi ta’ din il-vettura.
“ F’din id-donazzjoni qegħdin nagħmlu riflessjoni fuq il-bżonn illi nibżgħu għall-ambjent għax il-karozza hija elettrika u għallura qed nagħtu messaġġ tal-bżonn li nmorru b’sistemi li huma inqas ta’ ħsara għall-ambjent u fl-istess ħin ukoll din hija lesta anki biex ikunu jistgħu jitilgħu fiha nies li għandhom ċertu inkapaċitajiet.”
Preżenti għal din id-donazzjoni kien hemm il-Ministru għat-Trasport Ian Borg li apparti li semma l-għan nobbli tkellem fuq ħidmet il-Gvern dwar bidla fil-kultura tat-trasport.
“It-tieni aspett huwa l-vetturi tal-futur. Il-vetturi tal-llum ngħidilhom jien. Allura l-vetturi li ma jniġsux, Vetturi tal-eletriku. B’rispett sħiħ lejn l-ambjent. L-ambjent f’sens wiesgħa anke l-arja illi nieħdu aħna u uliedna u dawk li jridu jiġu.”
Il-Ministru Borg fakkar li ftit ġimgħat ilu ġie imħabbar investiment ta’ tliet miljun u ħames mitt elf ewro, b’miljun u sitt mitt elf minnhom ġew dedikati għall-użu ta’ vetturi elettriċi.