Fit-tfulija u sa ċertu punt anke fiż-żgħożija tiegħi. Niftakar li l-Laburisti kienu jiġu kkunsidrati mill-avversarji politiċi bħala nies bla skola u ta’ bla valur.
Niftakar iżda li fis-snin tmenin, il-Gvern Soċjalista mmexxi mill-mibki Dom Mintoff kien introduċa l-iskemi ta’ pupil worker u student worker li kienu jippermettu lit-tfal tal-ħaddiema sabiex ikomplu l-istudji tagħhom fis-Sixth Form u eventwalment l-Università. Kienu skemi li minkejja l-kritika mill-forzi s-suwed taw nifs lill-istudenti ġejjin mill-familji tal-ħaddiema u kull min kien jistudja kien ukoll jingħata ħlas għall-perjodu ta’ sitt xhur studju kif ukoll għall-perjodu ta’ sitt xhur prattika tal-professjoni li jkun għażel.
Għall-bidu, u dan iż-żmien kelli l-privileġġ u l-unur li ngħaddi minnu l-istudenti mill-familji tal-ħaddiema fl-Universita’ kont tgħoddhom fuq subgħajk. U biex ngħidu kollox,mhux dejjem kienu milqugħa minn dawk li għal għexieren ta’ snin kienu jħossuhom privileġġjati għax ġejjin minn familji ta’ professjonisti u minħabba f’hekk kienu jħossu li l-Università hija prerogattiva esklussiva tagħhom!
Imma Mintoff kien fehem li ċ-ċavetta tas-suċċess għall-Moviment tal-Ħaddiema kienet l-edukazzjoni. U biż-żmien in-numru tal-istudenti minn familji tal-ħaddiema komplew jiżdiedu bil-mod il-mod. Iż-żerriegħa li kien żera’ b’tant għaqal il-Perit Mintoff bdiet tagħti l-frott. U bi pjaċir ninnotaw li fi żminijietna n-numru ta’ żgħażagħ laburisti li mhux biss iġibu l-ewwel degree, iżda jkomplu bil-Masters u d-Dottorat kiber sew tant li nistgħu ngħidu li l-Partit Laburista huwa mogħni b’talent eċċezzjonali anke mil-lat edukattiv!
U t-talent edukattiv li għandna llum, jassigura li l-Moviment tagħna jkun fuq quddiem nett sabiex jimbotta l-ħsibijiet progressivi fl-oqsma tal-ġustizzja, tad-drittijiet ċivili, saħħa, edukazzjoni, ekonomija u ambjent fost l-oħrajn. Il-ħsibijiet pożittivi tagħna jegħlbu bil-bosta l-ixkora ta’ negattività li toħroġ mill-kelliema u trolls tal-forzi tad-dlam.
Sfortunatament, iżda, u dan ngħidu mill-esperjenza tiegħi ta’ edukatur- mhux kulħadd għadu fehem l-importanza tal-edukazzjoni fil-ħajja tiegħu. Hija daqqa kbira ta’ stallett meta niltaqa’ ma’ ġenituri li jagħżlu li uliedhom imorru jaħdmu minflok ikomplu jistudjaw. Jaraw biss sa imneħirhom, għalkemm irrid ngħidu li xi drabi jkun hemm ċirkostanzi fejn il-familja jkollha bżonn id-dħul finanzjarju.
Iżda żgħażagħ bla ċertifikati jkunu biss għodda f’idejn min iħaddimhom u l-isfortuna hi li jkomplu jkunu sempliċiment għodda għal ħajjithom kollha. Għaldaqstant inħeġġeġ lill-awtoritajiet edukattivi sabiex ikomplu jaħdmu qatigħ biex iwasslu l-messaġġ dwar l-importanza tal-edukazzjoni-akkademika, vokazzjonali, applikata lill-ġenituri u lil uliedhom. Aktar u aktar f’dan iż-żmien bla preċedent ta’ pandemija fejn ħafna mill-istudenti għosfru mir-radar tal-edukazzjoni minkejja l-isforzi kbar li qed isiru mill-amministratturi u l-għalliema bit-tagħlim onlajn kontinwu li qed jingħata.
Għax ngħidu xi ngħidu, l-unika ċavetta għas-suċċess tal-Moviment tagħna u tas-soċjetà in ġenerali hija l-edukazzjoni!