Fix-xhur ta’ Sajf, bla dubju bosta lokalitajiet jiċċelebraw il-festa tal-villaġġ, fosthom fiż-Żurrieq ġiet iċċelebrata l-festa tal-Madonna tal-Karmnu. Imma din ma kinitx festa bħall-oħrajn, għax il-komunità taż-Żurrieq għażlet mhux biss li tiċċelebra l-festa, iżda ddeċidiet li tagħmel differenza prattika u sinifikanti fil-ħajjiet ta’ persuni li tassew għandhom bżonn l-għajnuna.
Ta’ kull sena, il-Konfraternità Karmelitana taż-Żurrieq tieħu l-inizjattiva li tiġbor fondi għal istituzzjoni tal-karità. Din is-sena ġie miftiehem li l-ġabra li ssir mill-Knisja tingħata lill-Inspire. Kemm adulti kif ukoll tfal fil-komunità kkontribwew għal din l-attività ta’ ġbir ta’ fondi u matul quddiesa solenni lejliet il-festa, il-fondi ġew miżjuda mill-Konfraternità għas-somma sostanzjali ta’ €1,315.