L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se tirrestawra statwi ewlenin u antiki fil-lokalità tal-Qrendi bħala parti mill-ħidma tagħha biex tippreserva l-wirt storiku reliġjuż f’pajjiżna.
Ir-restawr se jsir fuq tliet statwi li huma tar-ruħ, ta’ Santa Marija u ta’ Lourdes, bl-istatwa ta’ Santa Marija għandha storja li tmur lura kważi erba’ mitt sena.
L-Amministratur tal-Parroċċa Fr. Mario Said tenna li permezz ta’ dan il-proġett, raħal bħall-Qrendi se jingħata dehra aħjar għal dawk li jżuruh.
“Il-Qrendi għandu x’joffri, għandu ħafna kultura, arkittettura u anke reliġjożità u allura nemmen ħafna li din hija xi ħaġa sabiħa li nkomplu dawk li bdew missirijietna biex aħna dan kollu ngħadduh ukoll lil uliedna lil ġenerazzjonijiet li ġejjin.”
Is-Sindku tal-Qrendi David Schembri qal li proġetti bħal dawn huma essenzjali għar-residenti tal-lokal imma wkoll għat-turisti.
“Qed jsir dan l-għarfien kollu lejn il-kappella ta’ San Mattew tal-maqluba, il-Ħondoq tal-Maqluba stess bil-leġġenda tagħha, il-patrimonju, l-ambjent u anke il-kultura ta’ din il-lokalità.”
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli varat dan il-proġett bħala parti minn rotta ġdida ta’ turiżmu reliġjuż.
“L-idea hi li nħarsu lejn dan il-proġett pilota biex aħna dan ir-raħal illi joffri storja u anke tradizzjoni u reliġjon inkunu nistgħu nagħtu prodott ferm aħjar lil dawk li jżuruh.”
Dan l-investiment fil-wirt storiku lokali huwa turija tal-importanza li l-Awtorità qed tagħti fil-prodott, speċjalment dik fil-villaġġi ż-żgħar u stupendi ta’ pajjiżna.