Is-sit European Best Destinations semma lil Malta fost l-aktar għoxrin destinazzjoni sigura mill-imxija tal-Coronavirus madwar il-kontinent Ewropew.
Is-sit internazzjonali qal kif pajjiżna huwa sigur mill-imxija tal-Coronavirus hekk kif Malta kellha ħamsa u ħamsin darba inqas każijiet ta’ dan il-virus minn pajjiżi oħra Ewropej.
Intqal ukoll kif Malta għandha ferm iżjed sodod fl-isptarijiet għal kull persuna milli hemm fil-Finlandja, fl-Irlanda u fir-Renju Unit. Issemma wkoll kif il-pandemija kienet waħda limitata.
Dan is-sit semma wkoll kif pajjiżna huwa mgħoni b’baħar kaħlani u ċar daqs il-kristall, li huwa tajjeb għal għawm u għall-għadis. Is-sit internazzjonali semma wkoll li Malta għandha diversi bajjiet madwar il-gżira kollha. B’dawn l-attivitajiet jagħmluha perfetta sabiex tinżamm id-distanza soċjali minħabba l-imxija.
Semma wkoll lill-gżira tat-Tliet Għoljiet, jekk wieħed ikun irid imur għal kwiet, fejn iddeskriva din il-gżira perfetta għal dawk li jħobbu n-natura u attivitajiet relatati mal-baħar.
Intant sit awtorevoli ieħor, Forbes poġġa lill-bajja tar-Riviera f’Għajn Tuffieħa fost l-aktar għaxar bajjiet fl-Ewropa li hi meqjusa sigura wara l-lockdown impost f’diversi pajjiżi minħabba l-imxija tal-Coronavirus.
Bħas-sit ta’ qablu, il-Forbes semma kif din il-bajja hija sigura hekk kif f’Malta l-pandemija kienet limitata ħafna.
Is-sit Forbes poġġa lil din il-bajja bħala s-sitt l-aktar bajja sigura’ u li fiha tista’ żżomm id-distanza soċjali. Din il-bajja ġiet deskritta bl-aħjar kliem u stieden lin-nies biex jżuru lil Malta, li hija waħda mill-isbaħ destinazzjonijiet fl-Ewropa.