L-Amerka faħħret lil Gvern Malti li fix-xhur li għaddew qabad aktar minn biljun dollaru fi flus foloz Libjani stampati minn kumpanija Russa.
Fi stqarrija, il-Gvern Amerikan irringrazzja lill-Gvern ta’ Malta ta’ din l-operazzjoni.
F’Settembru li għadda, f’pajjiżna nstabu żewġ kontejners mimlija flus kontanti Libjani li jammontaw għal kważi biljun u nofs dinar Libjan.
One.com.mt tkellem mad-Direttur tad-Dwana, Joseph Chetcuti li kkonferma li l-Amerka rringrazzjat lil Malta għal qabda ta’ flus foloz f’Settembru.
“Fl-aħħar jiem ma qbadniex flus foloz fid-Dwana”, saħaq is-Sur Chetcuti li spjega kif l-investigazzjonijiet jieħdu ż-żmien tagħhom u jkun hemm taħdidiet mal-bord tas-sanzjonijiet tal-Ġnus Magħquda.
Il-kontejners kienu għamlu waqfa f’Malta u hu mifhum li kienu flus foloz destinati lejn il-qawwiet tal-ġeneral Khalifa Haftar.
“L-influss ta’ flus Libjani stampati mir-Russi għamlu l-isfidi ekonomiċi għal-Libja ferm iżjed diffiċli”, qal il-Gvern Amerikan.
L-Amerka qalet li r-Russja trid tieqaf tagħmel azzjonijiet li bihom tkompli tiddistabilizza lil-Libja.
Fi stqarrija, il-Gvern Amerikan saħaq li l-bank ċentrali tal-Libja fi Tripli huwa l-uniku bank ċentrali leġittimu fil-Libja.