Wasal fl-aħħar fażi x-xogħol fuq 8 toroq residenzjali fiż-żona tad-Dib fil-Mosta. Dan l-investiment li se jiswa €650,000 jinkludi fih il-bini mill-ġdid tat-toroq, b’pedamenti aktar sodi, filwaqt li saru wkoll servizzi taħt l-art għall-ilma, id-dawl, l-internet u tat-telekomunikazzjoni. Barra minn hekk inbnew madwar kilometru u nofs ta’ bankini għar-residenti.
It-toroq li sar u qed isir xogħol fuqhom huma Triq San Silvestru, Triq Kumbu, Triq il-Ballata, Triq Alofju Wignacourt, Triq il-Familja Cumbo, Triq il-Bdoti, Triq it-Taħħan u Triq ta’ Venezja.
Dan ix-xogħol beda fit-tieni ġimgħa ta’ Frar li għadda, hekk kif dawn it-toroq kienu jinsabu fi stat ħażin u x-xogħol mistenni jkun lest fil-ġranet li ġejjin.
Waqt li kien qed iżur il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li l-ebda kunsill lokali ma jiflaħ għall-ispejjeż ta’ proġetti bħal dawn. B’hekk dawn ix-xogħlijiet qed isiru bħala parti mill-investiment ta’ €700 miljun f’temp ta’ seba’ snin.
il-ministru borg spjega: “din iż-żona kienet ilha abandunata u kif jistgħu jgħidu r-residenti u l-kunsill lokali llum qegħdin jaraw il-frott tagħha. dak li qegħdin nagħmlu fil-mosta qed nagħmluh f’kull belt u raħal madwar il-pajjiż kollu.”
Filwaqt li s-sindku tal-Mosta Romilda Baldacchino Zarb qalet li din l-għajnuna mill-aġenzija Infrastruttura Malta kienet bżonnjuża sabiex tiffaċilita ħajjet in-nies.
Hija qalet: “Din iż-żona bla dubju kellha bżonn l-għajnuna tal-infrastructure malta bħala kunsill lokali qatt ma kellna l-fondi biex aħna stajna nagħmlu proġett bħal dan.”
Ritratti: MTIP