L-eżami fuq katavru li jiddetermina x’wassal għall-mewt. Magħrufa wkoll bħala l-awtopsja.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Patoloġija Dr Chris Barbara, li d-dipartiment tiegħu huwa responsabbli mill-kamra mortwarja u l-awtopsi, spjega kif mal-mewt, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, it-tabib jkun jaf il-kawża tal-mewt x’kienet. Iżda jekk dan ma jkunx il-każ, huwa jordna l-awtopsja minnufih.
Dr Barbara spejga: “Jekk it-tabib ma jagħmilx ċertifikat tal-mewt għax ma jkunx sodisfatt bir-raġuni tal-kawża tal-mewt f’dak il-każ jgħajtu lilna mid-dipartiment tal-patoloġija biex aħna niddeterminaw x’kienet il-kawża tal-mewt. Imbagħad iċ-ċertifikat tal-mewt niffirmawh aħna stess.”
Semma li f’każijiet fejn it-tabib ikun jaf x’wassal għall-mewt ta’ persuna, jiddeċiedi li jordna awtopsja sabiex jistħarreġ iżjed fil-fond ir-raġunijiet, anke biex jipprevjeni mwiet simili fil-qraba tal-mejjet.
L-awtopsja hija għodda utli wkoll f’imwiet meqjusa suspettużi jew fejn iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-mewt ma jkunux ċari.
F’dawn il-każijiet l-awtopsja ssir taħt għajnejn il-Pulizija u anke l-Maġistrat tal-Għassa.
Dr Barbara sostna: “Hawn min tah attakk tal-qalb waqt li jkun qed isuq, il-karozza tibqa’ dieħla ġo ħajt dak li jkun jitkisser, allura biex miet dan bil-ħabta tal-karozza, miet għax xorob u siker jew inkella miet b’attakk tal-qalb? U l-awtopsja jekk issib il-koronarja misdudin tgħid li kien attakk tal-qalb.”
L-awtopsja tistabbillixxi wkoll il-ħin tal-mewt abbażi tar-rata ta’ dekompożizzjoni tal-organi.
Tista’ ssir ukoll fuq katavri li ilhom mejtin snin sħaħ, iżda f’dak il-każ tissejjaħ l-għajnuna ta’ dentisti minħabba li s-snien huma l-iżjed organi li jdumu biex jiddikomponu. Isir ukoll profil bid-DNA.
Matul is-sena jsiru medja ta’ madwar 300 awtopsja u s-soltu l-maġġoranza jkunu fuq imwiet fl-isptarijiet. Fil-fatt f’mistoqsija parlamentari ħareġ li bejn Mejju tal-2019 u Mejju tal-2020 saru 319-il awtopsja.
Xahar | Total ta’ awtopsji |
Mejju 2019 (mill-15 ta’ Mejju sal-aħħar tax-xahar) | 4 |
Ġunju 2019 | 20 |
Lulju 2019 | 33 |
Awwissu 2019 | 31 |
Settembru 2019 | 29 |
Ottubru 2019 | 18 |
Novembru 2019 | 26 |
Diċembru 2019 | 25 |
Jannar 2020 | 27 |
Frar 2020 | 25 |
Marzu 2020 | 31 |
April 2020 | 36 |
Mejju tal-2020 | 14 |
David Grima, inkarigat mill-kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei, spjega li f’dawn l-aħħar ġimgħat mietu iżjed nies fid-djar.
Huwa qal: “Kien hemm iktar fid-djar did-darba. Ġeneralment inqabblu, in-numru huma fluwidi ħafna ma tantx tista’ tbassar dix-xahar ikollok 30 jew 40. Però li jiġri nqabblu t-trends minn sena għall-oħra. Infatti dax-xahar żdiedu mhux ħażin awtopsji forensiċi.”
Semma li minkejja li r-rata tal-imwiet baqgħet fl-istess ilma minkejja l-pandemija l-imwiet fid-djar żdiedu hekk kif inqas nies irrikorrew għall-isptarijiet, forsi minħabba l-biża’ mill-Coronavirus.