Il-Qorti tal-appell ikkonfermat li Michael Emmanuel mill-Kosta tal-Avorju, li jinsab mixli li fega lis-sieħba tiegħu Maria Lourdes Agius, f’Settembru ta’ sentejn ilu f’Raħal Ġdid, fehem u kien konxju ta’ dak li qiegħed jagħmel.
Is-sena li għaddiet huwa kien għadda ġurin, wara li allega li kien fi stat ta’ ġenn.
Bi 8 tmien voti kontra wieħed, il-ġurati ddeċidew li Michael Emmanuel ma kienx fi stat ta’ ġenn meta allegatament qatel lis-sieħba tiegħu.
Il-Qorti tal-appell ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, L-Imħallef Joseph Zammit Mckeon u l-Imħallef Edwina Grima nnutaw li ma ġie ppreżentat l-ebda ċertifikat mediku li fiż-żmien li ġara l-każ, l-imputat kellu problemi psikoloġiċi.
Għaldaqstant, issa l-atti ntbagħtu lill-Qorti tal-Maġistrati sabiex tkompli l-kumpilazzjoni ta’ evidenza fil-konfront tal-akkużat.