Sal-aħħar tas-sena li għaddiet, kien hemm kważi 19,000 persuna b’diżabilità reġistrata mal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.
Aktar minn 15,000 minnhom kellhom diżabilitajiet fiżiċi, u aktar minn 3,000 oħra kellhom diżabilità intellettwali. 2,400 kellhom diżabilità psikoloġika, 1,500 kellhom nuqqas fis-smigħ, u elf u sitt mija oħra nuqqas fil-vista.
Dan joħroġ mir-rapport annwali tal-Kummissjoni għas-sena 2019, li jagħti stampa komprensiva tax-xogħol imwettaq matul is-sena.
Iċ-ċifri juru li kulma jmur, il-Kummissjoni qed tiġi msejħa dejjem iżjed biex tinvestiga każijiet ta’ diskriminazzjoni allegata fuq il-bażi ta’ diżabilità, b’mod speċjali fl-użu ħażin tal-blue badge.
Fl-elfejn u dsatax, it-Taqsima tal-Investigazzjonijiet irċeviet sitt mija u disgħa u għoxrin talba għal investigazzjoni.
Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna, spjega li l-maġġoranza tat-talbiet isiru minħabba abbuż mill-Blue Badge, iżda mhux biss.
Huwa spjega: “Il-Kummissjoni tħobb tkun proattiva f’dan ir-rigward u naħdmu ma’ entitajiet oħra bħall-Pulizija, il-LESA u anki l-Kunsilli Lokali u Transport Malta biex insibu soluzzjoni għal dawn il-każijiet però mbagħad ikollok każijiet oħrajn fejn jidħol allegat diskriminazzjoni fejn tidħol edukazzjoni, l-impjiegi, xiri ta’ servizzi u benefiċċji, dejjem ir-rapporti jsiru fuq diskriminazzjoni abbażi tad-diżabilità.”
Il-Kummissjoni waqqfet ukoll Taqsima tal-Infurzar li tipprovdi infurzar legali u tgħin biex jitnaqqas l-abbuż u l-użu ħażin tal-blue badge.
Is-sena l-oħra ħarġu aktar minn 4,000 card tad-diżabilità rikonoxxuta fl-Unjoni Ewropea, u aktar minn 2,600 blue badge.
Is-Sur Scicluna qal:“Fejn tidħol il-Blue Badge hemm bord indipendenti mill-Kummissjoni magħmul minn professjonisti mediċi li jkunu huma li jiddeterminaw jekk il-persuna hix eliġibbli għall-Blue Badge jew le. F’każ li l-persuna ma tkunx eliġibbli għandha dritt ukoll tappella d-deċiżjoni.”