Dan l-aħħar saru għadd ta’ rapporti fil-midja juru ż-żieda ta’ skart mormi bl-addoċċ madwar Malta kollha. Agħar minn hekk, l-iskart jattira aktar skart, bil-problema tal-ħmieġ u żibel fil-pajjiż tiżdied minn ġurnata għall-oħra.
Kampanji ta’ tagħrif jgħinu biex tittaffa din il-problema nazzjonali, li qed tolqot it-tkabbir ekonomiku. Iżda, dawn l-isforzi waħedhom mingħajr infurzar serju tal-liġi huma ineffettivi. Fl-isfond tal-mod fragmentat li bik joperaw il-kunsilli lokali fl-obbligi tagħhom għall-immaniġġjar tal-iskart, il-kumpanija GreenPak sejħet biex il-gvern jiġbor flimkien lokalitajiet li huma ġirien ta’ xulxin taħt sistema reġjonali biex b’hekk l-iskart ikun immaniġġjat aħjar u b’mod effettiv.
“Mil-lat loġistiku u ekonomiku, ma jagħmilx sens li f’Malta jkollna 68 fruntiera lokali b’kull lokalita’ tipprova timmaniġġja l-iskart tagħha għal rasha. Meta tiġbor flimkien lokalitajiet fil-viċinanzi ta’ xulxin taħt umbrella reġjonali waħda jitnaqqsu l-ispejjeż u l-burokrazija, filwaqt li tiżdied l-effiċjenza fl-operat,” qal Mario Schembri, Kap Eżekuttiv tal-GreenPak Coop Society.
Sistema reġjonali għall-immaniġġjar tal-iskart tinkludi l-ġbir, riċiklaġġ u r-rimi b’mod korrett tal-iskart iġġenerat mill-komunitajiet li jagħmlu parti minn dan ir-reġjun partikolari. It-twaqqif ta’ sistemi ta’ mmaniġġjar tal-iskart fuq livell reġjonali jippermetti lill-komunitajiet jgħaqqdu flimkien ir-riżorsi u jiksbu flimkien dak li mhux kapaċi jiksbu waħidhom individwalment bħala lokalità. Dan il-mod għandu jgħin biex jitnaqqas, b’mod sinifikanti, ir-rimi illegali ta’ skart u l-problema ta’ ħmieġ u żibel madwar Malta u Għawdex.
“Filwaqt li nifhmu li hu naturali li jkun hemm ċerta reżistenza għal kull bidla, bħala organizzazzjoni newtrali, imma b’interess ġenwin biex intejbu l-prestazzjoni baxxa ta’ Malta fis-settur tar-riċiklaġġ, qed nimpenjaw ruħna biex niltaqgħu mal-kunsilli lokali b’mod individwali. Irridu nisimgħu t-tħassib tagħhom ħalli flimkien insibu soluzzjonijiet aċċettabbli. L-għan hu li nimxu ’l quddiem lejn futur aktar sostenibbli,” qal Schembri.
Filwaqt li sistemi tal-immaniġġjar tal-iskart kapaċi jinstemgħu bħala idea ġdida għal Malta, sistemi bħal dawn ilhom jitħaddmu fl-Unjoni Ewropea għal numru ta’ snin.
GreenPak hija skema awtorizzata mill-ERA (li qabel kienet il-MEPA) u hija l-akbar skema ta’ ġbir ta’ skart f’Malta.