Għal snin twal ir-rutina tagħhom kienet waħda sempliċi fejn ta’ kuljum kienu jżuru t-trakka jew il-pixxina biex jitħarrġu jew iħejju lill-atleti u issa li reġgħu lura ħadu nifs ġdid.
Alessia Cristina ilha tipprattika l-ġiri f’distanzi qosra fosthom l-isprint għal dawn l-aħħar tmien snin u dan il-perjodu li fih iddomina l-Coronavirus, għall-ewwel darba tul il-karriera tagħha kellha tieqaf ħesrem.
“L-Athletics huwa parti mir-rutina tiegħi, kuljum training u filli xejn. Spiċċajt kont immur niġri fit-triq u hekk imma mhux l-istess ħaġa bħat-track tal-Marsa fhimt. Allura jien inħossni ferħana ħafna li erġajna lura, nispera li nibqgħu hekk u li fl-aħħar mill-aħħar nispera li nerġgħu ningħaqdu bħala grupp sħiħ iktar ‘il quddiem għax mhux aħna biss ħbieb tat-training imma qishom familja għalija issa llum il-ġurnata.”
Il-kowċ ilu jħarreġ lill-atleti għal dawn l-aħħar ħmistax –il sena u esprima s-sodifazzjon tiegħu issa li qed jara l-atleti quddiemu u jkun jista’ jagħmel ferm iżjed milli ttih it-teknoloġija li ntużat biex l-atleti baqgħu jżommu ruħhom attivi kif jistgħu.
“Pruvjana nittrenjaw kemm stajna permezz tat-teknoloġija billi nibgħatu s-sessions b’imejl u nikkuntatjaw l-atleti b’WhatsApp jew mezzi oħrajn u huma jibgħatuli l-vidjows u nanalizzahom u nagħtihom feedback imma tagħmel differenza kbira meta inti tkun tista’ tipprattika l-isport hawnhekk fil-facility stess tagħmel il-programm kif għandu jkun.”
Ma morniex biss it-trakka tal-atletika fil-Marsa iżda żorna wkoll il-pixxina nazzjonali f’Tal-Qroqq fejn segwejna wkoll it-taħriġ hemm.
Stajna ninnutaw li l-għawm f’kull linja kien qed isir minn żewġ jew tliet persuni u nżammet id-distanza.
Il-kowċ nazzjonali tal-Waterpolo, Anthony Farrugia, spjega kif l-atleti laqgħu u draw id-direttivi imposti fuqhom mill-awtoritajiet tas-saħħa.
“Ħames plejers kull slot, jaqbżu bid-distanza, jidħlu u jieħu ħsieb jagħmlilhom it-temperatura u dawn l-affarijiet u importanti aħna, dawn nobdu d-direttivi.”
Issa li l-faċilitajiet sportivi miftuħa ta’ SportMalta nfetħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima saħaq li ninsabu f’pożizzjoni stabbli biex inkomplu nippjanaw għaż-żmien li ġej.