Mindu bdiet il-pandemija tal-Coronavirus f’pajjiżna, naqsu b’sebgħin fil-mija n-nies li marru l-Emerġenza b’attakk tal-qalb, filwaqt li żdiedu ħafna dawk li nstabu mejta f’darhom.
Dan wassal għall-appell imqanqal mill-Malta Resuscitation Council biex min iħoss uġigħ f’qalbu, ma jibżax mill-Coronavirus u jmur mill-ewwel l-isptar.
“Għalkemm f’dawn l-aħħar tliet xhur, in-numru ta’ mwiet baqgħu l-istess bħala numri, ma nafux kemm fil-verità, numru minn dawk l-imwiet kienu minħabba attakki tal-qalb. Li naf fiċ-ċert huwa li n-numru ta’ nies li meta preżentat l-ambulanza d-dar kienu diġà mejta fuq il-post, żdied.”
Marius Caruana, membru fil-Kunsill, fakkar li r-rata ta’ mortalità tal-attakki tal-qalb f’pajjiżna hija dik ta’ tletin fil-mija, u dik tal-puplesiji, għaxra fil-mija.
Qal li meta mhux ikkurat fil-ħin, il-mard tal-qalb jista’ joħloq ħafna kumplikazzjonijiet.
“Il-muskolu tal-qalb waqt attakk tal-qalb jibda jmut, jibda jinxef, u allura jekk ma joqtlokx dak l-attakk tal-qalb, iħallilek il-qalb dgħajfa ħafna, u dan fit-tul taż-żmien jagħtik ħafna kumplikazzjonijiet mela qalb dgħajfa ħa jżid il-qtugħ tan-nifs, ħa jżid li inti jkollok il-qalb ma tħabbattx b’mod regolari allura jkollok bżonn trattament minħabba f’hekk u dan jekk il-qalb tibda ma tqabbadx regolari tista’ wkoll twassal għal puplesija.”
Is-Sur Caruana qal li kemm iċ-Ċentri tas-Saħħa kif ukoll l-Isptar Mater Dei ħadu l-miżuri kollha biex ikunu siguri mhux biss għall-persuni nfettati bil-COVID-19 imma anki dawk mingħajr il-virus.
Għaldaqstant appella biex kull min iħoss xi uġigħ f’qalbu, jiċċekkja, għaliex nuqqas ta’ azzjoni fil-ħin jista’ jwassal għal mewt jew diżabilità.
Huwa kellu wkoll appell speċifiku għall-persuni dijabetiċi.
“Kull minuta tgħodd u fid-dijabetiċi speċjalment mhux dejjem jippreżenta kif jippreżenta f’ħaddieħor, jistgħu jippreżentaw b’inqas sintomi jiġifieri tagħfis f’sidrek ikun inqas jew inkella ma jxoqqx l-għaraq għalik mela allura jekk iħossu xi ħaġa għandhom mill-ewwel ifittxu l-għajnuna.”