Il-pass li ħa pajjiżna billi qed jagħmel ittestjar hekk imsejjaħ tal-massa fuq persuni li mhumiex juru sintomi tal-Coronavirus, ġie imfaħħar mill-Viċi-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb.
Fuq l-istazzjon nazzjonali s-Sinjura Xuereb, Imprenditriċi u li tmexxi diversi negozji f’Malta u barra minn xtutna, ikkuntrastat dak li qed jiġri f’pajjiżna ma’ dak li qed jiġri fil-bqija tal-Ewropa.
Qalet li dan qed jgħin anka biex impjegati f’industriji diversi jidħlu lura għax-xogħol b’rashom mistrieħa.
Hija qalet: “Jumejn ilu ġot-technopark ittestjajna 100 impjegat. Avżajna l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika, propjament bagħtu ċirkolari li min jixtieq jagħmel din il-ħaġa jista’ jagħmilha u għamilnieha. Imkien fl-Ewropa ma ċċempel l-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika, tgħidilhom ejjew ittestjaw l-impjegati tiegħi mingħajr sintomi, jiġu fi żmien ftit ġranet u inqas minn 24 siegħa wara jkollok ir-riżultat.”
Fl-istess programm it-tabib Martin Balzan li jmexxi l-Assoċjazzjoni Medika Maltija, iddikjara li pajjiżna qiegħed isegwi lill-Ġermanja u l-Italja fl-ammont ta’ ttestjar li qed isir fost persuni mingħajr sintomi tal-Covid-19.
Huwa stqarr: “Mhuwiex veru li aħna biss. L-iżjed nies li huma avvanzati huma l-Ġermanja u l-Italja.”
Iżda Xuereb ikkoreġiet lil Balzan u saħqet li fl-ikbar ekonomija Ewropea u fost l-ikbar fid-dinja, għadu mhux possibbli li jsir dak li qiegħed isir f’Malta.
Is-Sinjura Xuereb saħqet: “Hawnhekk ħa nmerik Dr Balzan. Aħna għandna fabbriki ġol-Ġermanja wkoll, ġol-Ġermanja ma tistax tittestja massa ta’ impjegati li huma asintomatiċi. Għadhom ma waslux f’dak il-punt. Ejja napprezzaw fejn wasalna u meta nitkellmu nitkellmu b’mod kontestwalizzat.”