Il-portijiet Maltin għadhom sal-lum magħluqa għal kulħadd, wara li Malta ħadet pożizzjoni li ma tistax tassigra s-salvataġġ ta’ immigranti.
Minkejja dan kollu l-Prim Ministru Robert Abela fakkar li Malta qatt ma naqset mill-obbligi umanitarji tagħha li ssalva l-ħajjiet fil-periklu, iżda ma kienx jagħmel sens li l-pajjiż ikun f’sitwazzjoni fejn l-ajruport u l-portijiet huma magħluqa, u jiddaħlu l-immigranti.
“Kellek din is-sitwazzjoni, u kull pass li ħadna qiesna dan il-kuntest l ġie fuqna bla preċedent. Qed nagħmlu minn kollox biex ninforzuaw il-kunċett ta’ solidajetà bejn Stati Membri, li fost oħrajn issarraf f’rilokazzjoni tal-immigranti.”
F’intervista fuq ONE, Dr Abela saħaq li s-soluzzjoni mhix ir-rilokazzjoni tal-immigranti waħedha, imma li tiġi indirizzata l-problema fix-xtut tal-Libja. “Ejja nitkellmu bħala UE x’se nagħmlu fil-Libja. Hemm qegħda s-soluzzjoni, li tara li tattakka t-traffikar tal-immigranti. Is-sors dak hu.”
Dr Abela qal li Malta tinsab determinata li tkun katalista għal soluzzjoni umanitarja, u r-realtà hi, li min hu bejn sema u ilma, qed jiġi salvat mill-Forzi Armati ta’ Malta. Hawnhekk innota illi, li żżomm immigranti fuq dgħajjes barra minn xtutna mhux l-aqwa xenarju, però l-ħajjiet ġew salvati. Fl-istess waqt qed jintbagħat il-messaġġ li Malta ma tiflaħx iżjed, iżda l-immigranti qed jiġu trattatti tajjeb.
Malta, qal il-Prim Ministru Abela, se żżomm din il-pożizzjoni, iżda tappella għas-solidarjetà. Hawn fakkar kif għadhom għaddejjin diskussjonijiet intensivi biex is-solidarjetà Ewropea tissarraf fil-prattika, u din il-gżira ċkejkna lesta tkun katalista fil-bidla li għandha ssir.
“Li wieħed jiżgura li l-kundizzonijiet ma jħeġġux lil dak li jkun jirkeb dgħajsa għax jaqbillu jieħu dak is-sogru milli jibqa’ fejn qiegħed. Aħna lesti li nkunu quddiem nett biex noffru s-soluzzjoni imma mhux waħedna. Malta ma tistax toffri soluzzjoni waħedha għal x’qed jiġri l-Libja.”