Wasteserv ħabbret li ser tkun qed iżżid il-kapaċità ta’ riċiklaġġ tagħha b’15%
Dan wara li ser tkun qed terġa’ tibda topera linja industrijali għall-materjal riċiklabbli fl-impjant ta’ Sant’Antnin.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Wasteserv hekk kif saħqet li l-ġbir u l-ipproċessar ta’ materjal riċiklabbli huwa element kruċjali fil-prevenzjoni ta’ tniġġis tal-plastik. Materjal li huwa theddida għall-bijodiversità.
Wasteserv spjegat li bħalissa l-materjal riċiklabbli qed jiġi proċessat biss fl-impjant tal-Kus f’Għawdex filwaqt li jiġi esportat barra l-pajjiż.
Madankollu bħala parti mill-viżjoni tal-Gvern li Malta tibqa’ fuq quddiem fl-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna, issa l-impjant ta’ Sant Antnin ser ikun qed jiġi atrezzat b’makkinarju sabiex jiżdied l-iproċessar tal-materjal riċiklabbli.
Dan, flimkien ma’ faċilitajiet ġodda ta’ ħażna li jassiguraw li l-iskart riċiklabbli ser jibda jkun tal-aqwa kwalità, u jwassal sabiex tiżdiedlu l-potenzjal tiegħu sabiex dan jerġa’ jiġi użat.
Bħala parti minn dan l-investiment, ser tkun qed tiġi mibdula wkoll s-sistema ta’ tifi tan-nar madwar il-faċilità kollha.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Wasterserv Richard Bilocca spjega kif jinsab konvint li l-pubbliku ser ikun qed iżid l-impenn tiegħu sabiex ikompli jissepara l-iskart.
Fuq l-istess tema l-Ġimgħa filgħodu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent David Thake akkumpanjat mid-Deputat Jason Azzopardi żaru l-impjant tal-Wasteserv fil-Magħtab.
Waqt laqgħa mad-delegazzjoni Nazzjonalista, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia wassal il-viżjoni tal-Gvern f’dan il-qasam tant kruċjali f’pajjiżna.
Fost oħrajn semma’ l-akbar proġett ambjentali li qatt ra pajjiżna li permezz tiegħu l-iskart se jibda jintuża bħala riżorsa.
Stqarr li filwaqt li l-Gvern prijoritizza l-urġenza ta’ dan il-proġett xorta sema’ l-karba tal-bdiewa.
“Konna ħa nieħdu 280,000 metru kwadru ta’ raba’ biex ladarba rrevedjnih dak niżżilnih għal 82,000 elf. Jiġifieri inqas minn terz tal-pjan oriġinali.”
Intant f’kummenti mal-midja David Thake benġilha li l-problema tal-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna ħolquha amministrazzjonijiet Nazzjonalisti.
“Il-landfilling hija pjaga li dan il-pajjiż ilu jġorr għal snin twal. Ħadd ma qed jgħid li bdieh Aaron Farrugia il-landfilling.”