L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tibqa’ tinsisti li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jinħatar biż-żewġ terzi fil-Parlament, minkejja li l-proċess ferm aktar trasparenti tal-ħatra kif propost mill-Gvern, diġà ġie approvat fil-Parlament.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia baqa’ jisħaq dan fil-proposti li ressaq għall-Kummissjoni Venezja, wara li kien il-Gvern li ressaq il-proposti tiegħu li ġew imfissra bħala pass fid-direzzjoni t-tajba anki mill-Kamra tal-Avukati.
Ma’ ONE News, l-avukat Andy Ellul spjega li l-ebda pajjiż fl-Unjoni Ewropea ma jaħtar Kummissarju tal-Pulizija bil-mod kif qed tibqa’ tgħid l-Oppożizzjoni.
Saħaq li l-metodu kif propost mill-Oppożizzjoni ta’ Adrian Delia jipparalizza kollox biex finalment niġu għal sitwazzjoni fejn xorta li tgħaddi tar-rieda tal-maġġoranza ta’ min ikun fil-Gvern.
“L-ebda pajjiż fl-Unjoni Ewropea ma jaħtar il-Kummissarju bid-due terzi fil-Parlament, li tista’ twassal għal parależi fis-sitwazzjoni. Imma fl-istess ħin l-Oppożizzjoni qed tgħid li jekk dan il-vot ma jintlaħaqx tmur lura għal simple majority, u allura kif jgħid il-Malti, niġu ċikku briku.”
Dr. Ellul saħaq kif il-proċess għal ħatra tal-ogħla kariga fil-Korp kif imressaq mill-Gvern huwa konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja u saħansitra jmur pass ‘il quddiem hekk kif il-Prim Ministru reħa l-poter minn idu li jagħżel direttament hu l-Kummissarju tal-Pulizija.
Dan hekk kif l-erbatax-il kandidat li ressqu l-quddiem biex imexxu l-Korp tal-Pulizija qed jiġu mgħarrbla mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku li fiha ħames membri; żewġ membri nominati mill-Gvern, żewġ membri oħra nominati mill-Oppożizzjoni u ċ-chairman maqbul bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Wara li din il-kummissjoni indipendenti u awtonoma bil-Kostituzzjoni se tniżżel il-kandidati għal tnejn, dawn se jiġu skrutinizzati mill-kumitat għall-ħatriet pubbliċi biex finalment jintgħażel l-aktar kandidat idonju għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija.
F’dan il-kuntest, Dr, Ellul iddeskriva l-aġir tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista bħala wieħed perikoluż, għaliex mhux biss qed tibqa’ tinsisti dwar proċess mhux vijabbli ta’ ħatra ta’ kariga kruċjali bħal din, iżda fl-istess ħin naqset milli tgħid jekk hux se tipparteċipa fi skrutinju parlamentari tant importanti li se jkun imxandar fuq it-televiżjoni biex anki l-pubbliku jsegwi b’mod ħieles.
“S’issa dwar il-grilling mill-Oppożizzjoni għadna ma smajna xejn, u dan hu atteġjament ftit perikoluż, meta int qed tikkritika il-mekkaniżmu l-ġdid, li fl-aħħar mill-aħħar ġie approvat, imma mhux tgħidilna kif se tipparteċipa f’dan il-proċess tant trasparenti u demokratiku, fl-aħħar mill-aħħar.”