L-Imħallef Emeritu Noel Cuschieri se jkun iċ-Chairperson il-ġdid tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla. In-nomina tiegħu kisbet kunsens unanimu fil-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi wara smigħ skont il-liġi, fil-Parlament.
L-Imħallef Emeritu Cuschieri se jkun qiegħed jieħu t-tmun tal-Kummissjoni mingħand is-Sur Godfrey Vella.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici saħaq li l-Imhallef Emeritu Cuschieri se jġib miegħu esperjenza vasta u tal-ogħla livell fi ħdan il-Kummissjoni. Huwa qal li l-Kummissjoni għandha rwol kruċjali bħala regolatur fil-qasam tal-edukazzjoni u l-karriera impekkabbli tal-Imhallef Cuschieri fil-Gudikatura se tkun ta’ benefiċċju kbir għall-futur tal-organiżazzjoni. Il-Ministru Bonnici rringrazzja lis-Sur Godfrey Vella tas-servizz tiegħu.
L-Imħallef Emeritu Cuschieri twieled nhar il-21 ta’ Dicembru 1954, sar Avukat fl-1977 u nħatar Maġistrat fl-1985. Ġie elevat għall-Ġudikatura fl-2002 u serva wkoll bħala Imhallef fil-Qorti tal-Appell (Sede Superjuri).
Huwa kiseb degree ta’ Master of Law summa cum laude u serva bħala eżaminatur estern fi ħdan il-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Malta.