Il-Wasteserv irrimarkat li s-siti magħżula għall-investiment bla preċedent fil-qasam tal-immaniġjar tal-iskart joffru l-aqwa bilanċ possibli.
Fi stqarrija fakkret li l-proġett se jkun qed inaqqas il-medda t’art użata b’żewġ terzi.
Filfatt, dan il-proġett ser isir fuq medda ta’ tnejn u tmenin elf metru kwadru ta’ art, u mhux mitejn u sebgħa u disgħin elf metru kwadru u b’hekk instemgħet il-karba tal-bdiewa.
Wasteserv innutat ukoll li tlieta mill-erba’ siti proposti minn ċertu bdiewa jinkludu elementi li huma protetti.
Fost l-oħrajn il-preżenza ta’ xagħri ġiet innutata ukoll mill-Kelliem għall-Oppożizzjoni Edwin Vassallo bħala żona ta’ valur ekoloġiku.
Il-Wasteserv qalet li waħda miż-żoni proposti għandha numru konsiderevoli ta’ siġar endemiċi filwaqt li r-raba’ sit propost jinsab fuq il-landfill ta’ Żwejra li mhux addattat għal żvilupp ta’ din ix-xorta.
Sar aċċenn ukoll li dan il-proġett ambizzjuż ma jiflaħx jiġi pospost għaliex inkella il-Gvern mhux se jkollu alternattiva oħra ħlief li jespropja aktar art.
Ġie spjegat li x-xogħol preparatorju għall-impjant li jiġġenera l-enerġija mill-iskart jinsab fi stadju avvanzat u l-ġimgħa li għaddiet beda l-proċess tal-kuntratti b’rabta ma’ dan il-proġett.