Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata fost l-oħrajn mill-Prim Ministru Robert Abela tħabbar li minn nhar il-Ġimgħa li ġej se jiftħu stabbilimenti tal-ikel li fih in-nies jistgħu jkunu f’kumpanija ta’ sitt persuni u bi protokolli oħra fosthom distanza bejn mejda u oħra.
Bi protokolli ċari oħra se jiftħu anki l-barbiera u stabbilimenti oħra tax-xagħar.
Fost miżuri oħra li se jidħlu fis-seħħ minn nhar il-Ġimgħa li ġej se jkun permess li n-nies ikunu fi gruppi ta’ sitta.
Se jkun hemm ukoll il-faċilità ta’ ċinema fil-beraħ b’regoli ta’ distanza soċjali.
Intqal ukoll li minn nhar il-Ġimgħa se jkunu jista’ jsir quddies tal-funerali b’ċertu regolu filwaqt li l-isport individwali bħall-għadis se jirritorna.
Dan filwaqt li t-taħriġ sportiv fi gruppi ta’ mhux aktar minn sitta se jirritorna wkoll.
Intant fil-konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru qal li dak li se nagħmlu nhar il-Ġimgħa mhux se jkun kompromess mas-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.
Il-pass razzjonali li jmiss ġie wara analiżi xjentifika u l-fatti mediċi.
Il-Prim Ministru saħaq li minn nhar il-Ġimgħa li ġej se nkomplu bit-triq tan-normalità.
“Hija x-xewqa tiegħi, ta’ Chris u Charmaine”, saħaq il-Prim Ministru hu u jirreferi għad-Deputat Prim Ministru u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.
Saħaq kif dak li ħabbar mhux se jkun kompromess mas-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi. “Qatt ma kkompromettejna mas-saħħa u mhux se nagħmlu hekk issa iżda ħadna passi razzjonali ġejjin wara analiżi xjentifika u fatti mediċi”, spjega Dr. Abela.
Qal li t-triq tan-normalità se nibdewha għaliex qatt m’għandna naċċettaw li l-emerġenza tiġi n-normalità.
Il-Prim Ministru rrimarka li aħna Gvern responsabbli li ma nieħdux deċiżjonijiet fuq il-biża’. Spjega kif pajjiżna kien preparat sew anki minn ferm qabel faqqgħet il-pandemija.
Huwa esprima s-sodisfazzjon li din il-biċċa xogħol iebsa ħdimniha b’suċċess flimkien bħala poplu magħqud.
Quddiem din il-kriżi globali bla preċedent, pajjiżna llum għandu rata baxxa ta’ każijiet attivi.
“Ħsibna fil-ħażin biex it-tajjeb ma jonqosx u llum għandna s-sodod vojta”, qal il-Prim Ministru.
Huwa qal li llum nistgħu niċċelebraw b’mod kawt dan is-suċċess.
Intant id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne rrefera għal sistemi tas-saħħa ta’ ċertu bliet fl-Ewropa fosthom f’Bergamo u f’Madrid li għandhom uħud mill-aqwa sptarijiet li bdew jikkolassaw.
Qal li f’dan il-kuntest, Malta riedet tħares il-ħajjiet u l-mewġa tal-Coronavirus ġiet ikkontrollata.
Il-Ministru Fearne qal li saru ħafna sagrifiċċji miċ-ċittadini f’dan il-pajjiż, in-negozjanti u anki l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa.
“Għamilna kollox b’mod studjat, ma sejjaħniex affarijiet kmieni u lanqas tard iżda fil-waqt tagħhom”, saħaq Chris Fearne meta rrefera għat-tnaqqis fir-restrizzjonijiet li jsiru b’mod gradwali.
Qal li kull ġurnata li l-ekonomija Maltija tkun wieqfa qed iġġib dwejjaq u tħalli piż.
“Filwaqt li ma nistgħux ngħaġġlu wisq lanqas irridu nibqgħu weqfin”, spjega Chris Fearne li saħaq li rridu nibqgħu naħdmu bil-galbu u kif meta dħalna għall-pandemija użajna x-xjenza, hekk ukoll irridu nagħmlu għal meta noħorġu.