Wiċċ il-ħniena u miksi demm – vittma ta’ gwerra li żgur m’għandu l-ebda tort fiha, imma jispikka l-kuraġġ ta’ dan iċ-ċkejken meta minkejja l-uġigħ u s-sitwazzjoni delikata li jinsab fiha xorta waħda mhux imbikkem iżda bħal donnu mdorri f’din ir-realtá li l-ebda persuna, tifel jew tifla m’għandu jkun fiha.
Fl-aħħar jiem, ir-ritratt ta’ Omran Daqneesh, tifel Sirjan ta’ ħames snin, inxtered madwar id-dinja kollha b’kummenti varji ta’ dispjaċir u dieqa. Ritatt li ttieħed wara li d-dar ta’ familtu f’Aleppo intlaqtet minn attakk mill-ajru.
Is-Syrian Observatory for Human Rights qal li ħuh il-kbir, Ali ta’ għaxar snin, miet b’kawża tal-feriti li sofra dakinhar tal-attakk. Dan kien ikkonfermat ukoll minn xhieda li kienu biswit missier it-tifel meta miet Ali.
Kelliem għal kunsill lokali t’ Aleppo qal li t-tifel miet fl-isptar wara li l-post fejn kien jgħix fih kien soġġett għal xi tip ta’ bumbardament. Tobba qalu li Ali sofra minn emoraġija u ġrieħi fl-organi.
Ajruplani Russi u Sirjani tal-gwerra żiedu l-attakki mill-ajru fuq il-parti tal-Lvant tal-belt, li tinsab f’idejn ir-ribelli, mindu dawn tal-aħħari għamlu avvanzi fil-belt u saħansitra waqfu assedju li kien qed iħalli r-riżultati.