L-Eżekuttiv tall-MFA ddeċieda li l-kampjonat Premier jiġi terminat.
Dan wara li avviż legali dwar l-għeluq tal-faċilitajiet sportive minħabba l-imxija għadu fis-seħħ.
Flimkien mal-kampjonat Premier ġiet terminata wkoll il-kompetizzjoni knock-out tal-FA Trophy.
L-Eżekuttiv tal-MFA għadu jrid jiddeċiedi dwar jekk hux se jkun stabbilit rebbieħ tal-kampjonat u jekk hux se jkun hemm timijiet li jiġu promossi u relegati. Din id-deċiżjoni mistennija titieħed f’laqgħa oħra.
Floriana kienu fil-quċċata tal-klassifika u kienu resqin li jieħdu kampjonat ieħor wara nuqqas ta’ 27 sena. Tliet punti warajhom kien hemm ir-rivali Valletta.
Sa bħal-lum ġimgħa, l-MFA trid tinforma lil UEFA bid-deċiżjoni tagħha u tgħid liema huma t-timijiet li se jilagħbu fil-kompetizzjonijiet Ewropej taċ-Champions League u l-Europa League.
Lejn l-aħħar tax-xahar li għadda l-Eżekuttiv tal-MFA kien iddeċieda li l-kampjonat Premier u l-FA Trophy mhux se jieqfu għalissa minħabba l-imxija tal-Coronavirus. Fl-istess waqt il-Kunsill waqqaf il-kumplament tal-kampjonati tal-ewwel, it-tieni u t-tielet diviżjoni.
L-istess deċiżjoni applikat wkoll għall-futbol f’Għawdex, dak tan-nisa, tal-Youth League u tal-Futsal.