Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent fi ħdan il-Knisja f’Malta faħħret ir-rispons tal-awtoritajiet Maltin għall-pandemija tal-COVID-19.
F’opinion paper li ppubblikat, il-Kummissjoni għall-Ambjent qalet li filwaqt li pajjiżi oħra damu jaħsbuha biex jirreaġixxu għall-COVID-19, l-awtoritajiet Maltin, fosthom dawk tas-saħħa, urew għaqal u ppjanar bil-quddiem, li poġġa s-saħħa u l-ġid komuni taċ-ċittadini bħala l-ogħla prijorità.
Il-Kummissjoni qalet li riżultat ta’ dan, l-impatti negattivi ta’ din l-imxija nżammu taħt kontroll.
Hija nnutat kif f’dan iż-żmien, f’pajjiżna kibret is-solidarjetà ma’ min hu fil-bżonn, żdiedu l-inizjattivi ta’ ġenerożità u ġew skoperti talenti ġodda.
“Sibna aktar ħin għal xulxin, insejna l-firdiet, fhimna l-importanza ta’ ambjent sabiħ u spazji miftuħa u kibret l-imħabba lejn pajjiżna”, qalet il-Knisja Maltija.
Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tkellmet ukoll dwar l-infurzar tal-liġi u qalet kif dan kien effettiv għall-ħarsien tas-saħħa pubblika.
Qalet kif tgħallimna napprezzaw iżjed xogħol it-tobba, l-infermiera, il-forzi tal-ordni, l-għalliema, dawk li jnaddfu u r-reliġjużi fost oħrajn.
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni Ambjent ikkundannat l-atti vandali li saru waqt l-imxija, bħat-tqaċċit tas-siġar tad-Dwejra u anki wriet l-istmerrija tagħha għal min prova jabbuża mis-sitwazzjoni u ħaseb għal rasu jew stagħna.
Il-Kummissjoni tkellmet ukoll dwar x’se jiġri wara li tgħaddi l-kriżi u appellat lill-awtoritajiet kwalunkwe pakkett ġdid ta’ stimolu għal żvilupp ekonomiku għandu jkun marbut ma’ kundizzjoni li l-iżvilupp li jsir ikun wieħed sostenibbli u konsistenti mal-pjan tal-Unjoni Ewropea magħruf bħala l-European Green Deal.
F’dan il-kuntest, il-Knisja semmiet l-impenn tal-Gvern.
Qalet li huwa pass fid-direzzjoni t-tajba li l-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qed jappoġġa ppjanar intelliġenti li joħloq il-ġid mingħajr ma jissagrifika l-ambjent biex b’hekk inkunu nistgħu noħorġu b’saħħitna u b’suċċess minn din il-kriżi.
Hija awgurat li l-kreattività tal-bniedem twassal biex ikun hemm inizzjattivi xierqa u qalet din l-esperjenza tal-imxija mmaturatna bħala pajjiż.
Il-Kummissjoni fakkret ukoll li bir-riżorsi tagħha, il-Knisja għenet fosthom permezz ta’ għaqdiet bħala Caritas u voluntiera oħra li taw sehemhom f’din l-imxija.