Illum fis-2pm mistenni jiltaqa’ l-eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA biex tiddeċiedi dwar il-futur tal-kampjonat Malti 2019-2020.
Fost il-klabbs tal-kampjonat Premier teżisti stennija dwar id-deċiżjoni wara li l-kampjonat kien waqaf ħesrem minħabba l-imxija tal-Coronavirus.
Preżentament, Floriana jinsabu fil-quċċata tal-klassifika u kienu resqin li jieħdu kampjonat ieħor wara nuqqas ta’ 27 sena.
Warajhom hemm ir-rivali Valletta, li jinsabu tliet punti taħt Floriana.
Il-President taċ-ċampjins renjanti Victor Scricha kien saħaq li l-MFA għandha tannulla l-kampjonat u fil-kompetizzjonijiet Ewropej jilagħbu t-timijiet li s-sena l-oħra ġew ma’ ta’ fuq.
Hu mifhum li l-MFA preżentat protokolli mediċi dwar kif jista’ xorta jintlagħab il-logħob tal-futbol u dan konformi ma’ dak li qed isir barra minn pajjiżna.
Sa bħal-lum ġimgħa, l-MFA trid tinforma lil UEFA bid-deċiżjoni tagħha li mistennija tittieħed wara diskussjonijiet mal-awtoritajiet tas-saħħa.
Lejn l-aħħar tax-xahar li għadda l-eżekuttiv tal-MFA kien iddeċieda li l-kampjonat Premier u l-FA Trophy mhux se jieqfu għalissa minħabba l-imxija tal-Coronavirus.
Fl-istess waqt l-eżekuttiv waqqaf il-kumplament tal-kampjonati tal-ewwel, it-tieni u t-tielet diviżjoni.
L-istess deċiżjoni applikat wkoll għall-futbol f’Għawdex, dak tan-nisa, tal-Youth League u tal-Futsal.