Bħal-lum mitt sena.
It-tmintax ta’ Mejju tal-elf disa’ mija u għoxrin, f’Wadowice, il-Polonja, twieled Karol Józef Wojtyla.
Il-persuna li fl-età ta’ tmienja u ħamsin sena ġie elett bħala s-suċċessur ta’ Pietru, Isqof ta’ Ruma u l-Papa li baqa magħruf bħala missjunarju.
It-tfulija ta’ Wojtyla kienet waħda mqallba.
Biżżejjed ngħidu li ta’ tmien snin tilef lill-ommu.
Lill-oħtu l-kbira qatt ma ra għaliex mietet qabel twieled u ħuh il-kbir miet ukoll meta Wojtyla kien għadu żgħir.
Missieru ħallih waħdu wkoll meta miet waqt it-tieni gwerra dinjija u ftit wara ddeċieda li jidħol qassis.
Wara li kompla jitla’ ‘l fuq fil-ġerarkija tal-Knisja u laħaq Papa, ħa l-isem ta’ Ġwanni Pawlu t-tieni u kien fost l-aktar Papiet maħuba.
Matul il-pontifikat tiegħu Ġwanni Pawlu għamel madwar mija u tletin vjaġġ madwar id-dinja, inkluż f’Malta u f’Għawdex. Kull fejn mar il-Papa umli ġibed lejh eluf ta’ nies u f’xi okkażjonijiet anke miljuni.
F’għeluq il-mitt sena minn twelidu, dan l-istazzjon tkellem b’mod esklussiv mal-Kardinal Taljan Tarcisio Bertone, li għal diversi snin serva bħala segretarju tal-Istat tal-Vatikan. Il-Kardinal Bertone kien wieħed mill-aktar nies qrib ta’ dan il-Papa kbir.
Bertone irrakonta kif meta laħaq kardinal, Ġwanni Pawlu tah is-Salib tiegħu.
Ġwanni Pawlu t-Tieni mhux biss kien figura importanti għall-kattoliċi, iżda kellu wkoll irwol importanti fix-xena politika, hekk kif kien strumentali fil-waqgħa tal-komuniżmu.
Ispirat mill-għajta tal-folla fil-funeral ta’ Ġwanni Pawlu, dik ta’ “Santo Subito”, il-Papa Emeritu Benedittu Sittax iddikjara lil Ġwanni Pawlu qaddis fl-ewwel ta’ Mejju tal-elfejn u ħdax.
Dwar il-qdusija ta’ Wojtyla tkellimna wkoll ma’ Monsinjur Slawomir Oder, il-persuna li l-Knisja Kattolika nkarigat biex imexxi l-kawża tal-beatifikazzjoni u l-qdusija ta’ Ġwanmi Pawlu t-Tieni. Monsinjur Oder semma x’kienu r-raġunijiet ewlenin li wasslu biex il-Papa sar qaddis.
Intant, propju f’din il-ġurnata l-Papa Franġisku mexxa quddiesa privata fil-Bażilka ta’ San Pietru fejn hemm midfun San Ġwanni Pawlu t-Tieni, il-Papa tan-nies, dak li kien jogħxa meta jilgħab il-futbol speċjalment bħala gowler, il-Papa li fetaħ idejh għal kulħadd.
Dawn l-intervisti saru bl-għajnuna tal-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede u l-Vatikanista Frank Zammit.