Ktieb li meta taqrah isaħħrek iżjed dwar is-sbuħija tal-gżejjer Maltin qed jagħmel suċċess kbir. Il-ktieb ta’ Paddy Cummins ‘In Love With Malta (The Hidden Treasures)’ diġà jinsab mal-ewwel mitt ktieb turistiku popolari, wara li ilu biss ftit jiem li ġie ippubblikat.
L-awtur li jqatta’ ħafna mis-sena ġewwa gżiritna huwa kittieb prolifiku u kellu bosta suċċessi f’kotba passati li ħareġ. L-aħħar ktieb fuq Malta li jinsab anki għall-bejgħ fuq l-internet, jitfa’ dawl fuq postijiet sbieħ iżda forsi mhux daqstant imfittxija f’Malta, Għawdex u Kemmuna.
Cummins, li l-aktar qarrejja leali lejh ġejjin mill-Istati Uniti u r-Renju Unit, għandu wkoll mal-erbgħin elf persuna isegwuh fuq il-midja soċjali. Dan żgur jawgura tajjeb biex ikompli jitkattar il-ġid mit-turiżmu, il-fonti li minnu jiekol kull Malti u Għawdxi.