B’referenza għall-artikli fuq il-mezzi tax-xandir fejn juri grupp kbir ta’ żgħażagħ miġbura f’Tas-Sliema u li ntqal li l-pulizija ma ħdet l-ebda azzjoni, il-Pulizija fi stqarrja ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet hekk kif marret fuq il-post darbtejn.
Il-korp spjega li għall-ħabta tad-disgħa u nofs tal-Ġimgħa filgħaxija, il-Pulizija tad-Distrett irċevew telefonata, li kien hemm grupp ta’ persuni li nġabru fl-Exiles jorganiżżaw party.
Fuq i-lpost marru l-Pulizija, iżda malli l-persuni li kienu fuq il-blat indunaw bihom, dawn ħarbu minn fuq il-post, f’direzzjonijiet differenti.
Madwar siegħa wara, għall-ħabta tal-ħdax, il-Pulizija rċeviet rapport ta’ miġemgħa oħra ta’ persuni li reġgħu marru fil-post sabiex ikomplu bil-party. Din id-darba fuq il-post marru il-Pulizija tad-Distrett, flimkien mal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit iżda l-persuni mill-ġdid ħarbu meta raw il-Pulizija.
Il-Pulizija baqgħu fuq il-post għal ħin twil, iżda ħadd ma rritorna.
Ritratt: Paradise Exiles