L-aġir u l-kliem ta’ Karol Aquilina fil-konfront ta’ Adrian Delia aktar kmieni din il-ġimgħa wassal għal reazzjoni mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
Is-Sibt filgħodu fuq l-istazzjon tiegħu, Adrian Delia jekk xejn ikkonferma t-taqbid li għadu għaddej bejn iż-żewġ fazzjonijiet li kissru lill-Partit Nazzjonalista.
Meta mistoqsi għaliex ħafna membri qed iħallu lill-Partit Nazzjonalista Adrian Delia dlonk infexx jgħajjar lil ta’ qablu arroganti.
Aktar kmieni din il-ġimgħa meta Karol Aquilina kien mistqosi minn One News dwar jekk hux ser jibqa’ jinsisti li Adrian Delia jerħi t-tmexxija tal-Partit f’tal-Pieta, Karol Aquilina, perċimes fil-Fazzjoni Busuttil u wieħed mill-hekk imsejħa 17-il eroj Blu, qal li ser jibqa’ jinsisti li tittieħed azzjoni fuq dak kollu li hu ħażin.
Intant meta mistoqsi fuq l-immigrazzjoni Delia sostna li hemm min qed idawwarlu kliemu.
Madankollu kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni f’żewġ intervisti separati jikkonfermaw l-inkonsistenza ta’ Delia fejn l-ewwel jgħid mod imbagħad jgħid mod ieħor.