Il-proposti li l-Gvern ippreżenta lill-Kummissjoni Venezja joħolqu sistema ta’ trasparenza totali u li telimina għal kollox l-influwenza tal-politikant mill-ħatra tal-ġudikanti.
Hekk stqarr l-avukat Dr.Edward Gatt li spjega kif l-irwol tal-judicial appointments Committee fil-ħatra tal-ġudikanti f’pajjiżna ser ikun wieħed suprem.
“Din is-sistema hija sistema ta’ trasparenza totali fejn dak li konna tradizzjonalment imdorrijin bih għal snin twal jiġifieri taħt amministrazzjonijiet preċedenti fejn bażikament qabel inti kont tmur għand il-ministru responsabbli mill-ġustizzja, tgħidlu li inti interessat, hu iressaq jekk ikun hemm il-ħtieġa l-interess tiegħek lill- Prim Ministru u l-Prim Ministru jiddiskutieha mal-kabinett u ssir, qabel hekk kienu jsiru l-ġudikanti. Din hija sistema allura illi across the board l-ewwel nett ma tinvolvix lill-politikanti u hija sistema fejn l-irwol tal-judicial appointments committee ħa jkun wieħed li jkun suprem.”
Dr.Gatt innota kif dan il-Gvern kien diġa biddel il-mod ta’ kif jinħatar ġudikant hekk kif dan il-gvern ħoloq ir-rekwiżiti neċessarji sabiex wieħed ikun jista’ jiġi kkunsidrat għal dan l-irwol.
Madankollu, issa l-proposti li l-Gvern għamel lil Kummissjoni Venezja, ser iwasslu iktar minn nofs il-judicial appointments committee ikunu membri tal-ġudikatura b’żieda ta’ żewġ imħalfin u maġistrat. Dan filwaqt li l-Prim Imħallef ser jingħata l-‘casting vote’.