Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli żaru l-inħawi tal-Freeport f’Birżebbuġa fejn se jkun qed jinbena parkeġġ ġdid b’investiment ta’ €3.2 miljun mill-Ministeru għat-Turiżmu u ffinanzjat mill-Malta Freeport, b’ħidma konġunta ma’ Projects Plus Ltd, l-entità responsabbli mill-ħruġ tat-tender u mill-implimentazzjoni tal-proġett.
Il-Ministru Ian Borg qal, “Hawnhekk qed naraw għal darba oħra proġett bi ħsibijiet ħolistiċi, li se jkun qed joffri soluzzjoni kemm għall-ħaddiema tal-Freeport, kemm għar-residenti u għall-ħaddiema tan-negozji ta’ dan il-villaġġ kif ukoll għall-mijiet ta’ nies li jżuru dawn l-inħawi fix-xhur tas-sajf. Il-gvern impenjat li jkompli jaħdem biex joffri soluzzjonijiet bilgħaqal u sostenibbli għall-isfidi tat-trasport, fosthom l-isfida tal-parkeġġ. Filwaqt li nkomplu naħdmu biex ninċentivaw l-użu ta’ trasport kollettiv u mezzi iżgħar, se nibqgħu impenjati li ntejbu l-infrastruttura tat-toroq u nwasslu infrastruttura pubblika bħal din favur aktar progress għall-Maltin u għall-Għawdxin kollha.”
Il-Ministru Borg irrefera wkoll għaċ-charging points li se jkunu disponibbli fuq kull sular tal-parkeġġ għall-vetturi elettriċi u qal li dan jimxi id f’id mal-viżjoni tal-gvern biex jiffaċilita l-mixja lejn kultura tat-trasport aktar nadifa.
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli żiedet li dan hu proġett li se jagħti nifs ġdid lill-komunità ta’ Birżebbuġa u issa jista’ uffiċjalment isir realtà wara li din il-ġimgħa stess infetħet sejħa ta’ interess sabiex ikun hawn parkeġġ tant mistħoqq għar-residenti u għal dawk li jiffrekwentaw Birżebbuġa. B’investiment ta’ €3.2 miljun mill-Malta Freeport, il-ministru żiedet tgħid li barra li l-parkeġġ se jkun qed itaffi sew il-problema tal-parkeġġ, dan ħa jkun qed jikkumplimenta strateġija ħolistika għal Birżebbuġa hekk kif fiż-żona mistennija 2 proġetti maġġuri mill-Ministeru għat-Turiżmu għall-familji, fosthom park tal-familja f’Bengħajsa.
Il-parkeġġ se jkun imqassam fuq 3 sulari u se jkun hemm spazju għal 450 vettura. Il-livell ta’ isfel se jkun dedikat għall-ħaddiema tal-Freeport filwaqt li ż-żewġ livelli oħra se jinfetħu għall-pubbliku ġenerali. Il-proġett mistenni jibda f’Ottubru li ġej.