B’referenza għall-komunikat li ħareġ mid-Djoċesi ta’ Għawdex b’rabta mal-festi 2020 u d-dimensjoni ġdida li ser jingħataw konsegwenza ta’ Covid-19, l-Għaqda Nazzjonli tal-Baned Maltin fi stqarrija qalet li l-Għaqda kitbet lill-Awtoritajiet tal-Knisja sabiex isir laqgħa u fiha jkun hemm diskussjoni sana. Iżda din il-laqgħa baqgħet qatt ma saret.
L-istqarrija qalet li b’konsegwenza ta’ hekk il-komunikat li nħareġ isemmi l-elementi kollha tal-festa Maltija barra l-Għaqdiet tal-baned. Żiedet tgħid li l-Għaqdiet Mużikali għandhom rwol importanti fit-tradizzjonijiet Maltin, fil-kultura Maltija, fil-festi Maltin u flistorja soċjali tal-pajjiż sa mis-Seklu 19. Punt ieħor kien li l-Għaqda tħoss li kemm il-darba huwa maħsub mill-Awtoritajiet tal-Knisja li jsiru manifestazzjonijiet ridotti fuq barra, u dan dejjem sta għall-permess li jingħata millAwtoritajiet tas-Saħħa, il-baned għandhom jieħdu sehem u mhux jinkiteb li m’għandux ikun hemm baned.
L-Għaqda temmet li se tibqa’ tkun miftuħa għad-djalogu u se tibqa’ timxi mal-istruzzjonijiet kollha li jingħataw mill-Awtoritajiet tas-saħħa kemm il-darba jibqa’ jkun hemm direzzjoni li attivitajiet tal-massa ma jsirux iżda ma tistax taqbel ma’ impożizzjonijiet li jagħmlu aktar ħsara milli ġid.