Il-Kumpanija tal-farmaċewtika Novartis, għadha kemm ħabbret li tat donazzjoni ta’ €50,000 lill-Malta Trust Foundation, b’appoġġ għall-Food Aid Project.
Il-Food Aid Project ġie stabbilit mill-Malta Trust Foundation wara li din irċeviet għadd kbir ta’ talbiet minn familji fil-bżonn li huma fost dawk l-aktar milquta f’Malta minħabba s-sitwazzjoni tal- COVID-19.
Il-Malta Trust Foundation intalbet ukoll tgħin lil xi organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ b’xi provvisti tal-ikel billi r-riżorsi tagħhom naqqsu sostanzjalment fl-isforzi tagħhom biex ilaħħqu man-numru dejjem jiżdied ta’ persuni li qed jitolbu għajnuna.
Fi stqarrija l-kumpanija qalet li permezz ta’ din l-Attività ta’ Donazzjoni, il-Fondazzjoni tirċievi donazzjonijiet monetarji jew mhux finanzjarji, u tiddistribwixxi l-ikel lill-familji li m’għandhomx dħul jew bi dħul baxx li huma fost dawk l-aktar affettwati mill-Pandemija tal-COVID-19.
Id-Direttur ta’ din il-kumpanija Frederik Halberg qal “li nappoġġjaw lill-komunità tagħna minn dejjem kien imperattiv strateġiku għal Novartis Malta, u li din id-donazzjoni żgur li se ssostni l-viżjoni ta’ responsabbiltà soċjali tagħna, b’mod speċjali lejn dawk li huma l-aktar vulnerabbli f’dan iż-żmien diffiċli.”
“Tabilħaqq, meta individwu, koppja jew familja jsibu ruħhom fi kriżi – b’mod partikolari waħda li tqum minn sitwazzjonijiet fejn id-dħul tal-persuni naqas b’mod drastiku minħabba l-Pandemija – aħna nħossu li huwa d-dover tagħna li nipprovdu għajnuna fuq skala nazzjonali,” ikompli s-Sur Halberg.