Waqt laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin ħareġ li l-kwistjoni ta’ 160 immigrant li jinsabu fuq dgħajjes fil-baħar, wara li ġew salvati, għadha mhux solvuta.
Il-Ministru Bartolo nnota wkoll iż-żieda ta’ 300% ta’ wasliet ta’ immigranti wara l-kriżi umanitarja li hemm fil-Libja.
F’dan il-kuntest, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà Josep Borrell tkellem dwar l-isfidi li qed taffaċċja Malta b’rabta mal-immigrazzjoni u kif l-kwistjoni tal-operazzjoni Irini għadha mhiex solvuta.
Malta mhux se tipparteċipa fl-operazzjoni Irini u ntqal kif ma’ din l-operazzjoni hemm bosta kwistjonijiet marbuta mal-immigrazzjoni.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo saħaq ukoll li Malta għandha tingħata aktar għajnuna mill-Unjoni Ewropea sabiex tgħin lil-Libja, speċjalment fuq l-aspett mediku minħabba l-imxija tal-COVID-19.
Intant, il-Ministru Bartolo nnota li fl-Afrika sebgħa u għoxrin miljun persuna spiċċaw fil-faqar minħabba d-diffikultajiet li ġabet magħha din il-pandemija.
Il-Ministru Bartolo stqarr li l-jiem li għaddew kienu diffċili ferm għal-Libja u li din hija kriżi umanitarja.
Huwa semma l-importanza sabiex il-pajjiżi jaħdmu id f’id mal-Ġnus Magħquda biex tkun tista’ tiġi mgħejjuna l-Libja.
F’dan il-kuntest tenna li Malta talbet lill-Unjoni Ewropea tagħti mal-mitt miljun ewro f’għajnuna lil-Libja.
Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin ddiskutew ukoll il-proċess ta’ paċi fl-Lvant Nofsani, fejn Malta tenniet il-pożizzjoni tagħha u appellat sabiex l-Unjoni Ewropea tiddiskuti aktar mal-imsieħba f’dan ir-reġjun.